Internazzjonali

Aġġornata – Fl-Olanda: Imut ix-xufier ta’ ferrovija wara ħabta ma’ krejn

Xufier ta’ ferrovija tilef ħajtu wara li baqa’ dieħel fi krejn li jingħad kien għaddej minn zona tal-linja fejn jaqsmu l-ferroviji, fil-limiti ta’ Dalfsen, lejn il-Lvant tal-Olanda,

Il-ferrovija nqalbet, b’numru ta’ vaguni jispiċċaw qalb l-għelieqi bħala konsegwenza. L-awtoritajiet, intant, damu s-sigħat jippruvaw jistabbilixxu l-ammont preċiż ta’ midruba b’konsegwenza tal-inċident, bl-aħħar rapporti jirreferu għal talanqas sitta feruti.

L-awtoritajiet sostnew, aktar tard, li l-inċident seta’ kien ħafna agħar peress li ma kienx hemm aktar minn 15 il-persuna fuq il-ferrovija li kienet qed tivvaġġa min-naħa tal-Lvant lejn Zwolle.

Mifhum ukoll li l-Pulizija Olandiża interrogat lis-sewwieq tal-krejn li rnexxielu jaqbeż minnu u jsalva ħajtu sekondi qabel il-ħabta mal-ferrovija. Mhux ċar jekk is-sewwieq hux qed ikun trattat bħala suspettat f’xi reat kriminali.