Id-Deputat Nazzjonalista Tony Bezzina appella lill-Gvern jintroduċi miżuri li jgħinu lill-biedja u r-raħħala fosthom li jżid il-Farmers Markets madwar il-pajjiż kollu, jintroduċi labelling tal-prodott lokali kif ukoll jippromwovi aktar il-prodott lokali, u jintroduċi korsijiet għall-bdiewa u r-raħħala fejn jiġu mgħallma kif jirreklamaw il-prodott tagħhom.
Meta tkellem fil-Parlament fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jimplimenta l-miżuri tal-Baġit, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-agrikoltura u s-sajd, qal li għalkemm dawn huma ftit mill-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Gvern biex jgħin lil dan is-settur, żgur li b’dawn l-inizjattivi l-bidwi u r-raħħal Malti jingħata dik l-għajnuna neċessarja biex is-suq lokali jingħata l-imbuttatura meħtieġa biex din l-industrija lokali, dejjem fil-parametri tal-liġijiet Ewropej, tigi salvagwardata.
Investiment ftit li xejn sar
Tony Bezzina kkritika li fl-aħħar tliet snin investiment ftit li xejn sar, u lanqas ma attwa dak li kien preparat mill-amministrazzjoni Nazzjonalista bħalma kien il-proġett għall-Pitkalija.
Spjega li s-settur iħossu abbandunat u tradut mill-Gvern u l-Oppożizzjoni se tibqa’ ssemma leħen il-bdiewa, raħħala u sajjieda Maltin u Għawdxin. Fil-qasam agrikolu, dan jixhdu t-telqa kbira li hemm fil-Pitkalija. Fl-aħħar tliet Baġits il-Gvern wiegħed riforma fil-Pitkalija, iżda minflok qata’ ħesrem il-proġett ta’ ristruturazzjoni fil-Pitkalija finanzjat mill-UE. Il-bdiewa Għawdxin ukoll spiċċaw mingħajr pitkalija għaliex dan il-Gvern għalaqha. Tony Bezzina qal li hemm tensjoni u tħassib minn min jaħdem u juża l-Pitkalija, u hemm nuqqasijiet fil-faċilitajiet biex tiġi amministrata l-Pitkalija.
Fix-xitwa qatt ma kien hemm nuqqas ta’ kaxxi kif hemm illum
Dwar il-kaxxi fil-Pitkalija u n-nuqqas tagħhom, fisser li fix-xitwa qatt ma kien hemm nuqqas ta’ kaxxi f’Jannar u Frar, kif hemm illum hekk kif il-problema qed issir aktar akuta. Tkellem ukoll dwar id-diffikultajiet fit-tkabbir tat-tadam u saħaq li s-sussidju għall-produtturi tat-tadam għandu jkun ġust. Ikkritika kif il-Gvern qed jagħmilha diffiċli għall-bdiewa biex jaraw minn liema skemi jistgħu jibbenefikaw meta l-Gvern neħħa l-amministrazzjoni tal-fondi tal-UE minn taħt is-Segretarju Parlamentari għall-Bdiewa.
F’sitwazzjoni ta’ klima li qed tissarraf f’anqas xita li qed jaffettwa l-prodott u d-dħul tal-bdiewa u r-raħħala, appella lill-Gvern jgħin lill-bdiewa u raħħal jinvestu fil-ħażna tal-ilma u jgawdu mill-produzzjoni tal-impjanti tat-tifsija b’distribuzzjoni adegwata ta’ ilma lill-bdiewa.
Il-kwota tal-majjal u ċ-ċanga qed dejjem tonqos
Semma kif is-settur tar-raħħala wkoll għaddejj minn żmien diffiċli bil-kwota tal-majjal u ċ-ċanga qed dejjem tonqos, bil-bejgħ ukoll ikompli jonqos. Il-Gvern ukoll hawn għandu jgħin lir-raħħala u jinkludi wkoll dawk tat-tjur u bhejjem oħrajn.
Appella biex il-konsutazzjoni għall-politika agrikola li bdiet mill-amministrazzjoni preċedenti meta kien ippubblikat ukoll rapport, tiġi konkluża b’konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni u mas-settur, biex dan jimxi ‘l quddiem.
Telqa fil-faċilitajiet għas-sajjieda f’Marsaxlokk
Dwar is-settur tas-sajd, Tony Bezzina qal li s-sajjieda qed jilmentaw fuq it-telqa fil-faċilitajiet f’Marsaxlokk u huma mħasba dwar il-problema tal-irbit tat-tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk u jekk dan hux se jkun ta’ periklu f’xogħolhom. Staqsa x’se jiġri jekk il-Port ta’ Marsaxlokk ikollu jingħalaq u jekk is-sajjieda hux se jitħallew barra l-Port.
Staqsa x’livell ta’ sigurtà se jkollu l-Port b’ħażna ta’ tanker tal-gass l-aktar f’maltempati kbar, waqt li rrimarka li hemm diversi mistoqsijiet mis-sajjieda fuq il-wegħdi li kien hemm u għadhom mhux imwettqa wara tliet snin. Fisser ukoll li t-tmexxija tal-pixkerija wkoll hi ta’ tħassib dwar il-mod kif qed topera, meta naqsu x-xerrejja, is-sajjieda u l-pitkala fil-pixkerija.
Sejjaħ il-ħlasijiet tas-sajjieda fuq il-korsijiet li jattendu s-sajjieda bħala taxxa oħra indiretta għaliex saħaq li dawn il-korsijiet għandhom jiġu finanzjati mill-Gvern.
Appella lill-Gvern ukoll jesplora f’oqsma oħrajn ta’ esportazzjoni
Appella lill-Gvern ukoll jesplora f’oqsma oħrajn ta’ esportazzjoni minbarra dik tal-patata u ż-żejt taż-żebbuġ. Appella wkoll għal aktar għajnuna lill-bdiewa biex jingħaqdu f’koperattiva, biex il-bdiewa jagħmlu l-prodotti tagħhom aktar sostenibbli u li jirrendu, jiġu mtejba u msebbħa l-ħitan tas-sejjieħ u t-toroq tal-bdiewa u jkun hemm aktar effiċjenza fit-trasferiment ta’ art għall-biedja.