Lokali Parlament

Ebda garanzija li l-fondi Ewropej mitlufa fiċ-Ċittadella se jintefqu f’Għawdex

Ritratt mill-arkivji

Ebda garanzija li l-fondi Ewropej li l-Gvern tilef fil-proġett taċ-Ċittadella li se jittardja bi kważi sena u li minħabba f’hekk intilfu fondi Ewropej, se jerġgħu jintużaw għal Għawdex.

Dan kien ikkonfermat fil-Parlament mill-Ministru għal Gawdex, Anton Refalo, meta waranofsinhar wieġeb fil-Parlament mistoqsijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni kif ukoll tax-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said, dwar il-fondi mitlufa fuq dan il-proġett. Il-Ministru qal li l-fondi għaddew fuq il-vot tal-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Il-Ministru Refalo ħa kwarta biex iwieġeb mistoqsijiet supplimentari tax-Shadow Minister Chris Said, f’liema ħin baqa’ ma weġibx għaliex baqa’ jitkellem fuq ix-xogħlijiet u għaliex dawn għadhom għaddejjin.

Bil-Ministru Refalo jitlob biex jitħalla jitkellem fit-tul dwar il-proġett taċ-Ċittadella, l-Ispeaker Anġlu Farrugia ġibed l-attenzjoni tal-Ministru biex it-tweġibiet ikunu fil-qosor biex ikun hemm ħin għal aktar mistoqsijiet parlamentari.

Ix-Shadow Minister min-naħa tiegħu baqa’ jappella lill-Ministru biex ikun ċar fuq tweġibiet li kien qed jagħmillu biex jikkonferma informazzjoni li kien ta fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari fit-28 ta’ Novembru tal-2014. Dakinhar kien intqal mill-Ministru li n-nefqa fuq il-proġett taċ-Ċittadella kellu jkun ta’ €14.5 miljun, u li 85% minn din in-nefqa se tiġi finanzjata minn fondi Ewropej, li tammonta għal €12.5 miljun.

Chris Said saħaq li minn din l-informazzjoni jirriżulta li l-Gvern tilef €2 miljun fondi tal-UE li se jinħarġu mit-taxxi tal-poplu u mhux €1 miljun kif qiegħed jibqa’ jgħid il-Ministru Refalo.

Il-Ministru Refalo baqa’ ma weġibx lanqas aktar mistoqsijiet ta’ Chris Said biex jikkonferma li mit-€12.5 miljun ta’ fondi Ewropej allokati għaċ-Ċittadella, intużaw biss €10.5 miljun, u kemm se tkun akbar l-ispiża minn dik oriġinali ta’ €14.5 miljun.

Filwaqt li spjega kif il-proġett kellu jinbidel kemm-il darba minħabba l-iskavar li sar, il-Ministru baqa’ ma weġibx il-mistoqsijiet.

Għal mistoqsija ċara tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, il-Ministru Refalo qal li ma jistax jgħid jekk il-fondi mitlufa hux se jintefqu f’Għawdex jew le għax marru lura u ntużaw fil-fondi tal-edukazzjoni.

Lanqas ma wieġeb għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Frederick Azzopardi biex il-Parlament ikun infurmat fiex intefqu l-fondi mitlufa f’Għawdex u li għaddew lill-Ministeru tal-Edukazzjoni.