Qed jibqgħu jippersistu d-dubji dwar kemm il-Gvern se jżomm mat-tieni data tat-tlestija tal-Power Station f’Delimara. Dan wara li l-Gvern diġà falla fl-ewwel data ta’ Marzu 2015 għat-tlestija tal-Power Station tal-gass, li kienet wegħda ewlenija li Muscat kien saħansitra rabat magħha l-futur politiku tiegħu.
Wara li falla dak id-deadline, il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi kien qal li l-Power Station se titlesta’ sa Ġunju li ġej. Madankollu, issa jidher li m’għadux jissemma Ġunju, iżda qed jissemma biss “is-Sajf”. Mistoqsi diversi drabi mill-ġurnalisti, inkluż dalgħodu qabel laqgħa tal-Kabinett f’Birżebbuġa, il-Ministru Konrad Mizzi qed jibqa’ ma jagħtix data speċifika.
Mistoqsi direttament minn NETnews.com.mt, Konrad Mizzi evita għal kollox milli jwieġeb dwar it-tlestija tat-tanker tal-gass, li hu parti essenzjali minn dan il-proġett. Aktar kmieni dan ix-xahar, il-ġurnal tal-GWU ippubblika storja li t-tanker se jitlesta bejn Lulju u Settembru 2016.
Sadanittant, waqt il-laqgħa tal-Kabinett, li għaliha kienu preżenti s-Sindki u Kunsillieri tar-reġjun tan-Nofsinhar, il-Prim Ministru Joseph Muscat ukoll għamel aċċenn għall-proġett tal-Power Station. Madankollu, bħal Konrad Mizzi, Muscat semma’ biss li l-Power Station se titlesta fis-Sajf.
//= $special ?>