Lokali Parlament

Filmat: Gvern li qed jagħti ħafna lill-ftit, iżda ftit lill-ħafna – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Gvern Laburista qed jiggverna bil-politika ta’ ingann meta qed jagħti ħafna lill-ftit u ftit lill-ħafna, bin-nies wara tliet snin ta’ gvern Laburista mhix tħoss li l-ekonomija sejra tajjeb għaliex għandna l-ogħla rata ta’ għoli tal-ħajja, paga medja li qed tonqos u mhux tiżdied, ħaddiema bil-prekarjat f’xogħlijiet mal-gvern, prezzijiet għolja tal-petrol u d-diesel, diżastru fit-trasport pubbliku, u qed jiżdiedu l-anzjani u l-familji fil-bżonn li huma friskju ta’ faqar,
Meta tkellem fil-Parlament fl-għeluq tad-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ liġi li timplimenta l-miżuri tal-Baġit għall-2016, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li filwaqt li l-politika ekonomika tal-Gvern taqbel ma’ dik tal-Oppożizzjoni, hemm ħaġa li tiddistingwi lill-Gvern u lill-Opożizzjoni. Filwaqt li l-għajta tal-Gvern hi ‘Ekonomija b’saħħitha’, l-Oppożizzjoni trid ‘Ekonomija għan-Nies’ u mhux biss ekonomija b’saħħitha.
L-Oppożizzjoni trid ekonomija b’saħħitha biex in-nies jieħdu l-benefiċċju minnha. Dan hu l-fus li fuqu l-Partit Nazzjonalista jipproġetta l-viżjoni ekonomika tiegħu għaliex l-ekonomija trid trendi għall-poplu kollu – politika b’viżjoni ta’ ekonomija għan-nies.

Dan il-Gvern wiret ekonomija b’saħħitha
Simon Busuttil spjega li l-ekonomija llum hi b’saħħitha għaliex dan il-Gvern wiret ekonomija b’saħħitha. Wiret ekonomija b’€1.2 biljun mill-fondi Ewropej, ekonomija li għaddiet b’suċċess mit-test tal-agħar kriżi ekonomika dinjija fl-aħħar mitt sena; ekonomija b’infrastruttura mill-aqwa u moderna bi proġetti li saru u li kulħadd jista’ jarahom b’għajnejh. F’Għawdex, tmur fejn tmur tara proġetti b’infrastruttura li taraha ma’ kullimkien.
Irrimarka li l-l-Gvern Laburista fi tliet snin lanqas beda u spiċċa proġett wieħed li hu wieħed għaliex il-proġetti ta’ Triq il-Kosta, l-interconnector u l-BWSC kollha huma proġetti li bdew minn amministrazzjoni Nazzjonalista u qed jiffinalizzahom il-Gvern tal-lum.
Wiret ukoll l-Isptar Mater Dei, l-Isptar tal-Onkoloġija, l-iskejjel ġodda li saru, investimenti fl-Università u f’kampus ġdid tal-MCAST. Wiret ukoll ekonomija b’numru ta’ setturi li kienu relattivament ġodda bħall-avjazzjoni, informatika, servizzi finanzjarji u s-settur tal-gaming, tal-farmċewtika u l-life science park.

In-nies mhux tgawdi mit-tkabbir u l-ġid ekonomiku
Il-Gvern iżda, saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni, qed jiċħad, jigdeb u jispinja. Dan l-Oppożizzjoni ma taċċettax. Din hi politika ta’ ngann u appella lill-Gvern jiddikjara li sab ekonomija b’saħħitha meta tela’ fil-Gvern.
Simon Busuttil staqsa jekk illum, wara tliet snin ta’ Gvern Laburista, in-nies hux qed igawdu minn din l-ekonomija. L-Oppożizzjoni temmen li l-ġid li qed jinħoloq mhux qed igawdi minnu kulħadd u qed jitqassam b’inġustizzja għax huma ftit wisq li qed igawdu mill-ġid ekonomiku.
Semma li huma ħafna nies li mhux qed igawdu mit-tkabbir u l-ġid ekonomiku. Hemm ħafna li qed jieħdu ftit wisq jew mhu qed jieħdu xejn.

Malta bl-ogħla rata ta’ għoli tal-ħajja
Semma l-għoli tal-ħajja u qal li f’Malta għandna fost l-ogħla rata. L-aħħar statistika turi lil Malta bit-tieni l-ogħla rata ta’ għoli tal-ħajja, bil-prezz tal-ikel qed jogħla b’mod inkwetanti li qed jolqot l-aktar lill-familji bi dħul baxx, lill-anzjani li jgħixu bil-pensjoni, u dawk tassew vulnerabbli.

Il-petrol u d-diesel fost l-ogħla prezzijiet fl-UE
Semma l-petrol u d-diesel li huma fost l-ogħla prezzijiet fl-UE. Il-prezz taż-żejt illum waqgħa kompletament u mhux dak l-istess ta’ ħames snin ilu għax illum naqas drastikament iżda minn dan ir-roħs il-poplu ma ħa xejn.
Ikkritika lill-Gvern li żamm il-prezz għoli għax qal li jrid l-istabbilità. Sejjaħ din il-politika tad-daħk meta hawn kważi monopolju bi prezz eċċessiv u l-poplu jkolu jħallas bi prezz eċċessiv.
Fisser li kien fl-2003 meta l-prezz tal-fjuwil kien l-istess prezz li hu illum. Fl-2003, litru diesel kien jiswa 61ċ meta llum jiswa €1.22 – id-doppju. Staqsa jekk dan hux sew u hux il-mod kif il-ġid jitqassam bejn kulħadd. Sejjaħ dan bħala abbuż gravi tad-dominanza li għandha l-Enemalta meta l-prezz taż-żejt waqgħa. Din hi stabbillità bi prezzz għoli.
Simon Bususttil qal li l-poplu qed jinduna b’dan l-ingann għaliex meta jintefgħu €30 diesel, €15 minnhom jisraqhom il-Gvern ta’ Muscat u dan qed jarah kulħadd, anke l-Laburisti li huma mweġġgħin għax qed iħossu li ntużaw għall-vot u ntesew.

Il-pagi qed jonqsu mhux jiżdiedu
Semma l-pagi, l-aktar dik medja, u fisser kif juri wkoll l-Economic Survey, li meta jitneħħa l-effett tal-inflazzjoni, fl-aħħar tliet snin il-paga medja flok żdiedet naqset mill-2012 ‘l hawn.

Ftit biss huma l-pensjonanti li ħadu żieda
Semma kif il-Gvern qiegħed jigdeb ukoll fuq il-pensjonijiet għaliex mhux veru żdiedu għal kulħadd iżda biss għal ftit eluf minn 90,000 pensjonant. Il-pensjonanti wkoll qed iħossuhom traduti quddiem reklamar sfrenata ta’ ekonomija b’saħħitha għax jafu li din hi biss għal ftit tal-qalba – għal Gaffarena u l-Cafè Premier.

Xogħol fi skejjel tal-istat bi prekarjat
Tkellem ukoll dwar il-prekarjat li l-Gvern ħabbar li qered, iżda li fil-Parlament ħareġ fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li cleaner titħallas b’€4.20 fis-siegħa fi skola tal-istat, u li jekk tidħol il-Ħadd ukoll titħallas bl-istess rata. Dan hu konferma li għad għandna ħaddiema b’kuntratti ta’ xogħol għal tliet xhur u sejjaħ dan prekarjat li għadu hawn sal-lum.
Irriżulta wkoll fl-informazzjoni li ta l-Ministru Bartolo, li hawn bħalissa disa’ skejjel b’servizzi ta’ tindif fejn il-kuntratti għal xogħol ta’ tindif jiġġeddu kull tliet xhur.
Filwaqt li elenka lista twila ta’ dawn l-iskejjel, qal li dawn il-kuntratti ntemmilhom fl-aħħar ta’ Diċembru li għadda, u ġew imġedda biss sal-aħħar ta’ Marzu li ġej u dan hu xogħol bi prekarjat.
“Dan hu tradiment u ngann li dan il-Gvern wettaq fuq kulħadd”, saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Skema biex il-Gvern ibgħabas mar-reġistru tal-qgħad
Tkellem ukoll fuq l-istorja ppubblikata f’din il-gazzetta, In-Nazzjon, fejn ġiet żvelata li skema kif il-Gvern se jaqbad numru ta’ persuni mir-reġistru tal-qgħad u se jpoġġihom fi skema f’kumpanija li ma nafux il-kundizzjonijiet u l-profitti li se jsiru minn fuq dahar il-ħaddiema. Dan se jkun qed isir minn gvern li qed jiftaħar li qed inaqqas il-qgħad.
Simon Busuttil akkuża lill-Gvern li qed ibagħbas mar-reġistru tal-qgħad. Talab lill-Gvern jispjega l-kundzzjoni li jittama li mhumiex bi prekarjat, u jgħid min se tkun il-kumpanija li se tmexxi din l-iskema.

Il-bonus għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja lill-anzjani mhux f’daqqa iżda mifrux fuq 12-il xahar
Semma kif il-faqar laħaq iċ-ċifra ta’ mitt elf, fosthom anzjani u pensjonanti, kif is-servizzi tal-anzjani naqsu, kif l-anzjani mhux jieħdu l-bonus għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja f’daqqa u minflok qed jitqassam fuq 12-il xahar. Din il-politika tkompli tikkonferma kemm dan hu Gvern li qed jagħti ftit lil ħafna, iżda jagħti ħafna lil ftit.

L-akbar sussidju għat-trasport pubbliku u jiżdiedu n-nolijiet
Tkellem ukoll dwar it-trasport pubbliku u fisser li hawn ukoll il-poplu kien ingannat meta sirna nafu li l-kumpanija l-ġdida qed tingħata €432 miljun f’sussidju. Saħaq li qatt ma kien hawn kumpanija li tħallset dan it-tip ta’ sussidju. Ikkritika kif il-Gvern qed iħallas €432 miljun għal servizz agħar u staqsa x’negozjatur hu l-Ministru Joe Mizzi, u kemm kien lest li jagħti f’sussidju li kieku s-servizz hu tajjeb.
Spjega li l-Arriva kienet qed tieħu €10 miljun fis-sena mhux €30 miljun, u jekk kienu talbu €45 miljun, dan is-sussidju ma ngħatax mill-Gevrn Nazzjoanlista filwaqt li dan il-Gvern ħareġ ċekk minn flus il-poplu ta’ €30 miljun fis-sena.
Ikkritika wkoll lill-Gvern li ma’ dan is-sussidju qawwi, żied in-nolijiet. Dan ukoll hu ngann kbir, bil-kumpanija wkoll minbarra s-sussidju u nolijiet ogħla qed tixtri d-diesel bi prezz issussidjat meta l-poplu jixtri €1.22 l-litru u lill-kumpanija li qed tmexxi t-trasport pubbliku tixtrih bi prezz issussidjat.

Ingann ukoll fl-inizjattiva tajba fis-servizz taċ-childcare

Il-Gvern ukoll inganna f’inizjattiva li l-Oppożizjzoni faħħret meta ħabbar is-servizz ta’ childcare b’xejn. Iżda anke fuq din, il-Gvern inganna meta semma kont ta’ aktar minn €2,000 li rċieva ġenitur għax it-tifel ma ntbagħatx minħabba li kien ma jiflaħx. Din il-Gvern qatt ma qalha lill-ġenituri u fuq dan il-Gvern ukoll inganna.
Semma li huma ħafna ġenituri oħrajn li qed jirċievu kontijiet, u dan hu t-tip ta’ ingann li l-Gvern qed jagħti lill-poplu. Gvern li għalih il-ħafna jagħtihom ftit, u lil ftit jagħtihom ħafna.

Lis-sidien tal-Cafè Premier tħallsulhom il-kontijiet

Simon Busuttil qal li lil min ivvutalu, dan il-Gvern użah għall-vot u mbagħad insieh. Labursti ġenwini telaqhom għal riħhom iżda lil tal-qalba ma nesihomx bħalma ma nesiex is-sidien ta’ Cafè Premier li tahom bailout ta’ €4.2 miljun biex iħallsu l-capital gains tax, it-taxxa u l-NI, il-VAT, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-kont tal-ħobż u tan-nutar, is-self tal-bank u s-senserija. Dan, meta l-fqir li ma jħallasx jinqatagħlu d-dawl waqt li lil tal-Cafè Premier jitħallaslu d-dawl.
Gvern, temm jikkonkludi Simon Busuttil, li jaħseb għalih biss u għal ftit tal-qalba, iżda għall-poplu li tah il-fiduċja mhux qed irodd lura l-fiduċja. Gvern fi kriżi ta’ korruzzjoni u li din il-korruzzjoni qed iħallas għaliha l-poplu kollu.