Tabib fl-Iżvezja kien ikkundannat għal għaxar snin ħabs wara li nstab ħati li ħataf mara u żammha ġo bunker għal sitt ijiem. It-tabib, Martin Peter Trenneborg, kien ammetta dwar il-ħtif iżda l-qorti warrbet l-akkużi dwar stupru miġjuba kontra tiegħu.
Trenneborg kien qed jippjana li jżomm lill-mara bħala priġuniera u ‘bħala t-tfajla tiegħu’ għal snin f’dak il-bunker li kien mibni proprju għal dan l-iskop.
It-tabib, li għandu 38 sena, kien ħataf lill-vittma wara li ltaqa’ magħha fi Stokkolma f’Settembru li għadda u fejn kienu ltaqgħu għal date. Mifhum li Trenneborg kien mar għaliha d-dar bix-xampanja u r-rigali waqt li pprova jilgħabha ta’ Amerikan biex jimpressjonaha.
It-tabib, imbagħad, uża frawli li kien fihom elementi tad-droga Rohypnol biex iraqqad lill-mara qabel ħatafha. Il-prosekuturi qalu li l-istrateġija tat-tabib involviet ukoll żewġ maskli tal-gomma – waħda ta’ raġel bid-daqna u l-oħra ta’ mara anzjana – biex jinħbew l-identitajiet tiegħu u tal-vittma. Ingħad li Trenneborg, imbagħad, wassal lill-vittma b’wheelchair lejn il-karozza qabel saqha lejn id-dar tiegħu fil-limiti ta’ Kristianstad, fin-Nofsinar tal-Iżvezja.
Il-vittma spiċċat f’kamra b’sistema ta’ soundproof li t-tabib kien bena fid-dar tiegħu, iżda Trenneborg inqabad meta, sitt ijiem wara li ħataf lill-mara, hu irritorna fir-residenza tal-vittma fi Stokkolma biex jiġbor xi affarijiet tagħha u sar jaf li hi kienet irreġistrata bħala ‘nieqsa’.
Hu imbagħad sfurzaha biex tmur miegħu f’għassa tal-pulizija biex tgħidilhom li hi kienet tajba ‘u li ma kienet qed tagħmel xejn kontra l-volontà tagħha’, iżda l-pulizija indunaw li kien hemm xi ħaġa barra minn lokha. Fil-fatt, huma insistew li jitkellmu mal-mara waħedha, b’din tgħidilhom dwar dak kollu li għaddiet minnu, bir-riżultat li Trenneborg spiċċa arrestat minnufih.
Peress li l-qorti ma sabitx biżżejjed provi dwar allegat stupru, is-sentenza ta’ ħabs għal Trenneborg kienet anqas mill-15 il-sena li talbu l-prosekuturi – li min-naħa tagħhom qegħdin jaħsbu biex jappellaw mid-deċiżjoni tal-qorti.
Martin Peter Trenneborg, issa, ingħata l-laqam ‘Il-Fritzl Żvediż’ wara l-każ tar-raġel Awstrijak, Josef Fritzl, li kien żamm lil bintu msakkra ġo kantina għal 24 sena u li kien inqabad f’April tal-2008.
//= $special ?>