Lokali Parlament

Il-Gvern joġġezzjona li jiddiskuti l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar il-ħatriet fil-ġudikatura nhar il-Ħamis

Joġġezzjona wkoll għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li tinnomina lil Marlene Farrugia Chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent

Il-Gvern qed isib oġġezzjoni li nhar il-Ħamis li ġej jiddiskuti l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar riforma għall-ħatra tal-membri tal-Ġudikatura u jrid iħalli d-diskussjoni għat-8 ta’ Marzu biex jiddiskuti l-abbozz tal-Gvern li għad irid jiġi ppubblikat.

Fl-istess waqt, il-Ministru Owen Bonnici ma ried jagħti ebda garanziji li jissospendi n-nomini li saru għall-ħatra ta’ Maġistrati.
Fil-laqgħa tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra li saret illejla, ġie deċiż li jingħata ruling mill-Ispeaker dwar żewġ punti li tqanqlu matul id-diskussjoni.

Wieħed mir-rulings hu dwar jekk il-Ħamis li ġej għandux isir xogħol tal-Gvern jew xogħol tal-Oppożizzjoni peress li ż-żewġ naħat baqgħu jinsistu li jmiss lilhom jagħmlu dan.

Ir-ruling l-ieħor hu dwar il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni dwar il-ħatra tal-Membri tal-Ġudikatura.

Fil-bidu tas-seduta l-Ispeaker informa lill-Kamra li kif inhi l-proċedura, intalab il-parir tal-Avukat Ġenerali jekk il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni tinħtiġx il-messaġġ tal-President. Il-parir tal-Avukat Ġenerali twassal lill-Ispeaker ilbieraħ waranofsinhar. Fih ingħad li peress li l-abbozz fih proposti li jinkorri spejjeż fuq il-fondi pubbliċi, allura dak għandu jitqies bħala “money bill” u għalhekk jinħtieġ il-messaġġ tal-President li skont il-Kostituzzjoni għandu jaġixxi fuq il-parir tal-Kabinett.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li peress li fl-abbozz tal-Oppożizzjoni hemm proposta biex tiżdied l-età tal-irtirar tal-membri tal-Ġudikatura, u peress li hemm propost it-twaqqif ta’ Awtorità, dan ifisser nefqiet ġodda mill-fondi pubbliċi u għalhekk ma jistgħux jitressqu mill-Oppożizzjoni, u fi kwalunkwe każ jinħtieġu l-approvazzjoni tal-Kabinett.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius qal li ma jaqbilx li l-Ispeaker għandu jkun marbut bil-parir tal-Avukat Ġenerali għaliex dan hu l-avukat tal-Gvern. L-Ispeaker għandu jimxi fuq il-parir tal-avukati tal-Parlament u għandu jiddefendi d-dritt tal-Oppożizzjoni li tippreżenta abbozzi.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li kellu laqgħa max-Shadow Mnisteri dwar il-Ġustizzja, Jason Azzopardi, biex jinfurmah dwar il-proposti tal-Gvern dwar abozz rigward l-istess suġġett. Fid-diskussjoni bejniethom kien hemm qbil fuq 95% tal-proposti li hemm fiż-żewġ abbozzi. Hu qal li l-Gvern kien qed jipprogramma li d-diskussjoni ssir fit-8 ta’ Marzu.

David Agius qal li l-Oppożizzjoni kienet se tibqa’ tinsisti li d-diskussjoni ssir nhar il-Ħamis. Għal din il-proposta, Godfrey Farrugia, Whip tal-Gvern qal li nhar il-Ħamis kien imiss xogħol tal-Gvern.

David Agius sostna li ma jaqbilx li ż-żieda fl-età tal-irtirar kienet tirrendi l-abbozz tal-Oppożizzjoni bħala “money bill” u għalhekk ma kienx meħtieġ il-messaġġ tal-President. Hu ġibed l-attenzjoni tal-Kumitat li meta saret iż-żieda tal-età tal-irtirar tal-membri tal-ġudikatura minn 60 għal 65 sena, ma kienx hemm il-messaġġ tal-President.

Wara diskussjoni li saret, l-Ispeaker qal li kien se jagħti ruling dwar it-talbiet li saru.

Fl-istess laqgħa tal-Kumitat Parlamentari, il-Gvern joġġezzjona wkoll li jiddiskuti mozzjoni imressqa mill-Oppożizzjoni f’Novembru li għadda biex id-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia tibqa’ Chairperson tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent. Il-Gvern irid iressaq l-ewwel il-mozzjoni tiegħu li ppreżenta f’Jannar li għadda biex jaħtar lid-Deputat Laburista u eks-Segretarju Parlamentari Franco Mercieca.

Meta kien qed jippreżenta l-lista tax-xogħol tal-Kamra, il-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia qal li fl-14 ta’ Marzu, il-Gvern se jressaq il-mozzjoni għall-ħatra ta’ Franco Mercieca minflok Marlene Farrugia.

David Agius qal li ma jagħmilx sens li l-Gvern iressaq il-mozzjoni tiegħu li ppreżenta f’Jannar meta hemm mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar l-istess suġġett ippreżentata f’Novembru. Hu qal li jagħmel sens li tkun diskussa l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni u jekk ma tgħaddix, il-Gvern jgħaddi għall-mozzjoni tiegħu.

Godfrey Farrugia qal li l-Gvern qed jinsisti li tkun diskussa l-ewwel il-mozzjoni tiegħu għaliex irid li jiftaħ u jgħalaq id-diskussjoni hu. David Agius oġġezzjoni li l-Gvern jipprova jgħalaq ħalq l-Oppożizzjoni b’dan il-mod.

Id-Deputat Laburista Deborah Schembri qalet li l-Gvern mhux jagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni. Sostniet li fl-aħħar elezzjoni l-poplu għażel lill-Partit Laburista b’maġġoranza kbira biex jiggverna, u għalhekk f’każi fejn hemm żewġ mozzjonijiet dwar l-istess suġġett kemm mill-Gvern kif ukoll mill-Oppożizzjoni, il-Gvern għandu jagħżel il-mozzjoni tiegħu għaliex għandu dritt jiggverna.