Il-Qorti ordnat importatur iħallas €248,320 lill-Kontrollur tad-Dwana, inkluż interessi mill-1993, wara li sabet li kien importa merkanzija mingħajr ma ħallas id-dazju li kellu jħallas dakinhar.
L-Imħallef Joseph Zammit McKeon ta s-sentenza wara li kien l-istess Kontrollur tad-Dwana li fl-1993 fetaħ kawża kontra Sidney Ellul Sullivan, fil-kapaċità tiegħu personali u f’isem Eloise Limited.
Il-Qorti qalet li mix-xhieda rriżulta li l-kumpanija kienet impurtat merkanzija, bejn l-1989 u l-1991, mingħajr ma ħallset id-dazju li kellha tħallas. Minkejja li l-kumpanija kienet qalet li dan ma kienx veru, il-Qorti sabet dokumenti li kellhom timbri foloz u ebda provi li jikkonfermaw li d-dazju dovut kien tħallas.
Iktar kmieni, il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabet lil Ellul Sullivan mhux ħati tal-akkużi kontrih imma s-sentenza nbidlet wara appell.
Il-Qorti tal-Appell kienet tat lill-akkużat sentenza ta’ ħabs sospiża għal sentejn u ordnatlu biex fi żmien tliet snin iħallas lid-Dipartiment tad-Dwana l-ammont ta’ Lm489,954 li tinkludi l-ħlas dovut għad-dazju, Lm62,171, il-ħlas dovut għat-taxxa tal-levy, Lm44,432 u multa li hi ekwivalenti għad-doppju tal-valur tal-oġġetti impurtati.
Il-Kontrollur tad-Dazju kien fetaħ każ ieħor il-Qorti biex iġiegħel lill-akkużat iħallas id-danni li d-dipartiment kien sofra. Espert tal-Qorti stabilixxa d-danni fil-livell ta’ €245,423 li hi s-somma li l-kumpanija kienet qalet li ħallset f’dazju imma li fil-fatt irriżulta li qatt ma tħallsu.
Għalhekk il-Qorti ordnat lil Ellul Sullivan u lill-kumpanija Eloise Ltd biex iħallsu €248,320 f’danni.
//= $special ?>