Uħud mill-akbar kumpaniji u intrapriżi fir-Renju Unit qalu li t-tluq ta’ pajjiżhom mill-Unjoni Ewropea jservi bħala theddida diretta għax-xogħol, filwaqt li jipperikola l-ekonomija tal-Britanniċi.
Il-kapijiet tal-kumpanniji, fosthom il-BT Group, Marks and Spencers u Vodafone, iffirmaw ittra bla preċedent li dehret fit-Times ta’ Londra bil-messaġġ li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, fi proċess magħruf bħala Brexit, anki jtellef l-investiment għal pajjiżhom.
L-ittra hi inizjattiva tal-entità Stronger in Europe, li qed taġixxi bħala lobbying group u għandha l-appoġġ tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku. Il-kumpaniji Burberry, BAE Systems u EasyJet UK ukoll huma fost għexieren ta’ firmatarji mis-settur kummerċjali, li jinkludu l-kapijiet eżekuttivi tal-ajruporti ta’ Heathrow u Gatwick.
L-ittra mill-kapijiet ta’ wħud mill-akbar intrapriżi tirrifletti t-tħassib ta’ protagonisti fil-kummerċ dwar l-elementi kbar ta’ sogru f’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-UE.
Sadanittant, il-kampijiet favur u kontra t-tkomplija tar-Renju Unit fl-UE qed iħejju l-kampanji rispettivi qabel il-poplu jivvota fir-referendum tat-23 ta’ Ġunju.
Il-Prim Ministru Britanniku, David Cameron, illum, fi Sough, wieġeb għal domandi pertinenti mingħand il-ħaddiema tal-O2, il-produttur tat-telefons ċellulari u wieħed mill-firmatarji għall-ittra. Dan meta Cameron qed jaħseb biex jivvjaġġa madwar ir-Renju Unit biex jikkonvinċi lill-elettorat li l-futur ta’ pajjiżu hu fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>