Għall-funeral ta’ Alexandra Timpson f’Cheshire fir-Renju Unit iktar kmieni dan ix-xahar, kien hemm qrib l-1000 ruħ li marru juru r-rispett tagħhom.
Timpson, mart ‘imperatur’ tal-industrija taż-żraben fl-Ingilterra u omm ta’ ħamest itfal, inkluż ta’ Membru Parlamentari tal-Gvern Ingliż attwali, matul id-69 sena tagħha kienet foster parent ta’ 90 tifel u tifla.
Il-funeral tal-mara, magħrufa bħala Alex, għamilha popolari mal-istampa nazzjonali Ingliża li laqqmitha “l-iktar mara ta’ qalb tajba fir-Renju Unit”. Minbarra li serviet bħala ġenitur foster lil 90 tifel u tifla b’diffikultà, il-mara kienet ukoll il-parrina ta’ ħafna iktar.
Imma filwaqt li l-istampa nazzjonali u internazzjonali qed issir taf dwarha issa, ħafna kienu dawk li matul ħajjitha daqu t-tjubija ta’ qalbha, fosthom l-impjegati tal-imperu kbir Timpson fil-kamp tat-tiswija taż-żraben u l-qtugħ taċ-ċwievet.
Il-mara kienet irnexxielha tikkonvinċi lil żewġha biex idaħħal sistema li permezz tagħha jagħti rigal lill-ħaddiema. Kienu joffru ġurnata btala lill-ħaddiema kollha f’għeluq sninhom u joffrulhom ukoll btala b’xejn qrib il-baħar mal-familja tagħhom. Kienu jimpjegaw żgħażagħ li kienu xellfu difrejhom mal-ġustizzja u waqqfu negozju apposta biex jgħinu lill-batut.
Binha l-kbir, James, mal-ġurnal Daily Mail irrakkonta kif ommu kellha enerġija kbira u kellha l-istil tagħha li kien jaħdem. Qal li hi kienet taħdem biss ma’ nies li kienu jogħġbuha u ma’ dawk li kellhom bżonn l-għajnuna.
Imwielda f’Cheshire ftit wara l-Gwerra, kienet tħarrġet bħala infermiera tat-tfal żgħar qabel iltaqgħet ma’ dak li mbagħad sar żewġha, John Timpson. Sena wara żżewġu u kellhom tlett itfal. Ftit wara, Alex bdiet tagħmel fostering u sabet li kellha vokazzjoni għal din il-missjoni anke jekk l-ewwel esperjenza tagħha ma kinitx ward u żahar.
Kienet stqarret li l-ewwel żewġt itfal li kienu waslu d-dar tagħha kienu żewġt aħwa subien, ta’ erba’ u sitt snin, li kienu jiġru wara xulxin fil-kċina jiġġieldu u jgħajtu kliem oxxen lejn uliedha. “Uliedi qatt ma kienu semgħu dak it-tip ta’ kliem”, kienet stqarret, “kienu jibqgħu bilqiegħda madwar il-mejda b’għajnejhom ħa jaqbżulhom minn wiċċhom”.
Imma kienet stqarret ukoll li t-tluq taż-żewġ subien kienet agunija. “Kienu qaluli li kienu sejrin għand ġenituri meraviljużi imma fil-fatt intbagħtu lura l-istitut, f’post tal-waħx. Ħassejt li ddeludejthom, u domt biex ġejt f’tiegħi wara dan l-episodju. F’esperjenza hekk tinvolvi ħafna ruħek b’mod emozzjonali, u taħlef li ma terġax tagħmilha għax qalbek tinqasam”, kienet ammettiet imma iktar tard għamlitha diversi drabi u tat dar lil tfal li kienu msawta, oħrajn abbużati b’tingiż ta’ labar tal-ħrieqi u oħrajn vittmi ta’ abbuż iktar gravi.
“Titgħallem tinjora dawk l-20 darba li jsabbtu l-bieb u tfaħħarhom għal dik l-unika darba li jagħlquh b’mod ġentili”, kienet qalet. Imma Alex Timpson ma riditx terġa’ tibgħat liż-żewġ subien lura fis-sistema u hi u John adottawhom.
L-ulied imbagħad tgħallmu jagħtu d-daqqa t’id tagħhom max-xenati tal-burdati u mal-għoti tal-ikel u l-ħalib f’nofs ta’ lejl hekk kif it-tfal baqgħu jiżdiedu. Tifel minnhom dam jgħix mal-familja Timpson għal għaxar snin.
Uħud ikkummentaw li hu naturali li l-iben Edward jinħatar bħala Ministru għat-Tfal ladarba trabba ma’ 90 ‘aħwa’ matul is-snin.
Żewġ Alex, John, kien stqarr li fid-dar tagħhom qatt ma kont tkun taf lil min se ssib meta tmur lura wara x-xogħol. Kien qal li din il-ħajja kienet tagħti lil Alex sens ta’ pjaċir kbir u kien iddeskriviha bħala persuna li tagħti mhux li tirċievi.
Żewġha kien iddeskriviha bħala importanti mmens anke għall-filosofija u s-suċċess tal-kumpanija. Il-fatt li kienu jimpjegaw żgħażagħ li kienu kisru l-liġi kien għen biex ir-rati ta’ min kien jerġa’ jaqa’ fl-iżball, jaqgħu. Inħolqot skema li tibdel f’realtà ħolma ta’ impjegat u dan l-aħħar, permezz tagħha, ħaddiema setgħet tirritorna fil-Karibew biex tiltaqa’ ma’ missierha li kienet ilha ma tara 13-il sena.
Fuq kollox, il-kumpanija u sehem Alex fiha baqgħu magħrufa għall-fatt li xtraw sensiela ta’ propjetajiet ħdejn il-baħar għall-użu esklussiv tal-ħaddiema, b’xejn. Dan l-investiment ma għamel ebda impatt negattiv fuq il-kontijiet tal-kumpanija, anzi llum għandha 1,400 fergħa.
Binha James qal li mhux kumbinazzjoni li l-kumpanija kienet timpjega daqshekk persuni vulnerabbli għax ommu dejjem inkoraġġietu jieħu r-riskju u jħaddem persuni skont il-personalità tagħhom.
Il-mara kienet tħobb it-tlielaq u l-klabb tal-futbol tal-Manchester City imma dan kollu kien iħajjarha tagħmel iktar. Il-familja kienet ilha snin tmur għal vaganzi f’Anglesey imma Alex kienet sabet l-ikel f’pub lokali li kien fqir. Kienet ipperswadiet lil żewġha biex jixtrih, imbagħad xtraw pub ieħor fil-qrib, għaqqduhom u ħolqu proġett soċjali li fih iħarrġu żgħażagħ bla xogħol fl-industrija tal-ikel. Il-ferħ tagħha kien f’mumenti bħal meta żagħżugħ minnhom ġie offrut xogħol f’ristorant Michelin-star f’Berkshire.
Fl-2006 kienet ingħatat unur għax-xogħol tagħha fil-qasam tal-fostering, u kienet iddeskriviet dak il-jum u l-mument li fih ingħatat l-unur mill-Prinċep Karlu bħala l-iktar ġurnata li għamlitha kburija f’ħajjitha.
Meta l-familja tagħha ġiet biex torganizza l-funeral tagħha, ma setgħetx issib knisja kbira biżżejjed biex tilqa’ lil dawk kollha li riedu jkunu hemm. Għalhekk waqqfu tinda kbira. Kien hemm iktar minn 1000 persuna fosthom ħafna mit-tfal li tagħhom hi għamlet fostering. Uħud minnhom kellhom lil uliedhom li kienu marru jsellmu lil dik li kienu jsejħu “Granny“.
Tliet snin ilu, Alex Timpson kienet qalet li fostering mhux skont id-daqs tad-dar li jkollok jew id-ditta tal-karozza, imma hu att skont dak li tista’ tagħti mill-qalb. F’dan ir-rispett, ma waqfet qatt tagħti.
//= $special ?>