Għawdex

Jhedded lill-Viċi Sindku taż-Żebbuġ bil-kelma “Inqegħdek”

Il-Pulizija qed tinvestiga rapport ta’ theddid li l-Viċi Sindku taż-Żebbuġ Għawdex irċieva mingħand sid il-kiosk f’Marsalforn, li l-Gvern qed ikabbar il-bankina għalih biex ikun jista’ joħroġ is-siġġijiet u l-imwejjed.

It-theddid sar it-Tnejn filgħaxija meta l-Viċi Sindku Daniel Cordina wasal id-dar minn impenn li kellu relatat mal-ħidma fil-Kunsill Lokali, li taħtu jaqa’ wkoll Marsalforn. Dak il-ħin, Cordina kien għadu kif telaq minn Marsalforn stess għad-dar meta ra li kien qed jiġi segwit bil-karozza minn Victor Refalo, li hu sid il-kiosk f’Marsalforn.

Malli wasal id-dar u niżel mill-karozza tiegħu, Refalo hedded lill-Viċi Sindku taż-Żebbuġ “Inqegħdek”, b’Cordina jistaqsieh għaliex din l-attitudni u jekk jistax jgħinu. B’sarkażmu, Refalo staqsieh lura jekk għandux dritt jieqaf hemm, qabel ma l-Viċi Sindku baqa’ dieħel f’daru biex ma jaqax għall-provokazzjoni ta’ Refalo.

Victor Refalo, persuna qrib ħafna tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo u eks Kunsillier Lokali tal-Partit Laburista, bħalissa jinsab fuq fomm kulħadd fil-gżira Għawdxija minħabba li l-Gvern għaddej b’għaġla bi proġett biex ikabbar bankina li biha se tkun qed tingħalaq waħda mill-karreġġjati fuq il-pont li jgħaqqad il-Menqa ta’ Marsalforn mal-kumplament tax-Xatt.

Minbarra l-aspetti relatati mar-rabta politika li sid il-kiosk għandu mal-Ministru għal Għawdex, sorsi li tkellmu ma’ NETnews qalu li l-awtoritajiet ilhom jiġu infurmati li waħda mill-kolonni li fuqhom hu mibni l-pont qed titkisser. Barra minhekk, Victor Refalo m’għandux permessi joħroġ imwejjed u siġġijiet fiż-żona fejn qed isir il-proġett.

Dan kien diġà deċiż mill-Qorti f’sentenza li tat riċentament, b’Refalo jispiċċa mmultat 1,200 ewro wara li nstab ħati li ħareġ l-imwejjed u s-siġġijiet illegalment.

Fir-ritratt: Daniel Cordina