Lokali Parlament

Kundizzjonijiet Speċjali għal dawk mhux tal-qalba jfissru prekarjat

KONICA MINOLTA DIGITAL CAMERA

Kuntratti f’xogħol ta’ tindif f’disa’ skejjel imġedda kull tliet xhur

Il-“Kundizzjonijiet Speċjali” ta’ dan il-Gvern għal dawk li mhumiex tal-qalba jfissru xejn aktar minn prekarjat. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għandu fis-seħħ bħalissa disa’ kuntratti fi skejjel differenti li jiġġeddu kull tliet xhur.

Il-Ministru Evarist Bartolo elenka fil-Parlament meta wieġeb mistoqsija tax-Shadow Minister Jason Azzopardi, lista ta’ disa’ skejjel bejn id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u kumpaniji ta’ tindif li qed jiġġeddu iktar minn darba f’sena. Fi kliem il-Ministru Bartolo, “dawn il-kuntratti skadew f’Settembru tal-2015 u reġgħu ġġeddu skont ma jippermetti Artiklu 18.1 fis-sezzjoni ‘Kundizzjonijiet Speċjali (Special Conditions) fid-dokument tat-tender.”

L-iskejjel huma St, Clare College PS f’Pembroke; St. Ignatius College GSS f’Tal-Ħandaq; St. Theresa College GSS fl-Imrieħel; St. Theresa College Ta’ Paris BSS B’Kara; St. Nicholas College fir-Rabat Middle School; St. Margaret College Middle School f’Bormla; St. Thomas More College APL f’Raħal Ġdid; St. Clare College School of Sport; u St. Margaret College Primary School fl-Isla.

Dawn il-kuntratti ġew imġedda għal tliet xhur fl-aħħar ta’ Diċembru li għadda u jagħlqu fl-aħħar ta’ Marzu li ġej.