Lokali

L-Aġir tal-Ispettur Sandro Camilleri qed inissel sens ta’ firda u rivalita’ – MPA

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija (MPA), qalet li ma tistax tifhem l-aġir tal-Ispettur Sandro Camilleri, il-President tal-Police Officers Union tal-General Workers Union (PoU-GWU) qiegħed kull darba joħroġ jattakka l-MPA biex donnu jirreklama l-prodott.

Fi stqarrija, l-MPA qalet li f’kull stqarrija li joħroġ lill-media, iktar titsħajjel li qiegħed tara xi politiku fl-eqqel ta’ xi kampanja elettorali milli president ta’ union li qiegħda hemm biex tissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema membri tagħha. L-MPA issostni li ma taqbel xejn ma’ dan l-aġir li jmur kontra kull etika, qed jirredikola l-Korp tal-Pulizija kif ukoll inissel sens ta’ firda u rivalita’ bejn il-membri tal-Korp tal-Pulizija.

L-MPA ħarġet din l-istqarrija b’reazzjoni għal dak li ntqal it-Tnejn mill-President tal-PoU-GWU fuq il-portal tal-GWU inewsmalta.com, li kienet reazzjoni għal stqarrija tal-MPA li nħarġet il-Ħadd li fiha ilmentat li l-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija mhux se jitħallsu għax-xogħol extra li sar waqt il-Valletta Summit u ċ-CHOGM f’Novembru li għadda.

L-MPA qalet li mhux veru li hemm xi ftehim settorjali għal membri tal-Korp minn rank ta’ spettur ‘il fuq, lanqas m’hu veru li qatt ma kien hemm ħsieb li l-Pulizija ma kienux se jitħallsu għal dawn l-avvenimenti, tant li t-Task Force taċ-CHOGM ikkonfermat l-allokazzjoni ta’ fondi propju sabiex jitħallsu l-uffiċjali tal-Pulizija.

L-MPA kkompliet li lanqas m’hu veru dak li qal Sandro Camilleri li l-Ispetturi qatt ma tħallsu ta’ sigħat żejda. Xhieda ta’ dan hu fl-2015 stess meta dawn tħallsu tas-sigħat żejda matul ir-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa u l-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.