L-Italja qablet li tħalli d-drones armati tal-Istati Uniti jitilqu minn bażi tal-ajru fi Sqallija għal missjonijiet li jiddefendu kontra l-ISIS fiz-zoni tal-Afrika ta’ Fuq.
Il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi sostna li dan għandu jsir fuq bażi ta’ ‘każ għal każ’ u li ‘l-Italja għandha relazzjoni mill-qrib mal-alleati – b’mod partikolari l-Amerikani – fejn jidħlu azzjonijiet kontra terroristi u aggressuri potenzjali mill-ISIS’.
Renzi qal diversi drabi li l-Italja mhix se tieħu sehem f’attakki militari fil-Libja mingħajr it-talba speċifika ta’ Gvern rikonoxxut. Dan meta mifhum li l-ftehim ġdid jippermetti missjonijiet ‘difensivi’ u mhux offensivi bħall-attakk ta’ jiem ilu mill-qawwiet tal-ajru Amerikani fuq suspettat kamp għall-militanti fil-Libja fejn inqatlu għexieren ta’ nies.
Ingħad li l-Italja se tawtorizza it-tluq tad-drones mill-bażi ta’ Sigonella (qrib Katanja) bil-kundizzjoni li kull missjoni tkun intiża għall-protezzjoni ta’ persuni. Il-bażi ta’ Sigonella tinkludi stazzjon tal-ajru tal-qawwiet navali Amerikani filwaqt li tintuża wkoll mill-qawwiet tal-ajru Taljani. L-istess bażi, kultant, isservi għall-appoġġ loġistiku lill-qawwiet tal-Istati Uniti u qawwiet oħrajn tan-NATO.
//= $special ?>