Lokali

L-MDA tgħid li żdiedet il-burokrazija

Il-Malta Developers Association l-MDA, fi stqarrija qalet li minkejja dak li qal il-Prim Ministru u esponenti oħra tal-gvern preżenti, is-sitwazzjoni dwar ix-xkiel li kull intraprenditur isib ma’ wiċċu minħabba l-burokrazija fid-dipartimenti tal-Gvern u tal-korpi statali baqgħet l-istess, jekk mhux anke aggravat f’xi każi.

Fl-istqarrija l-MDA qalet li temmen li kieku jsir sforz serju biex titnaqqas din il-burokrazija u l-entitajiet tal-gvern isiru tassew aktar effiċjenti, il-progress ekonomiku tal-pajjiż ikun ferm akbar. Għalhekk f’dawn iċ-ċirkostanzi, l-MDA qed tissuġġerixxi li jitwaqqaf task force u jintroduċi proċeduri aktar effiċjenti u anqas burokratiċi fis-setturi li fihom il-burokrazija spiċċat aktar ta’ xkiel milli ta’ ġid lill-pajjiż.

L-MDA qalet li tħoss li din il-problema tista’ twassal għal tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u li, jekk ma jsir xejn dwarha, ħafna investituri se jispiċċaw jaqtgħu qalbhom.