L-Ombdusman Parlamentari, Joseph Said Pullicino, ikkundanna dik li qies bħala “kampanja negattiva” tal-ġurnal l-orizzont “maħsuba biex timmina l-istituzzjoni u toskura l-impjegati leali li jaħdmu fiha”.
Fi stqarrija bi tweġiba għal mistoqsijiet mibgħuta mill-ġurnal tal-GWU, dwar l-ingaġġ tal-impjegat Jurgen Cassar fl-2013, l-Ombudsman qal li fl-aħħar għaxar snin ħadd ma ġie impjegat fl-Uffiċċju tal-Ombdusman fuq position of trust u kull ingaġġ kien skont il-Kostituzzjoni u bi proċess miftuħ, pubbliku, kompetittiv u trasparenti.
Spjega li l-Liġi tagħti d-dritt lill-Ombudsman jaħtar l-uffiċjali u impjegati li jista’ jeħtieġ. Fl-istess ħin, fakkar li fl-2006 l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien informa lill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ li minħabba l-fatt li hu uffiċċju indipendenti, u minħabba l-poter li għandu bil-Liġi, ir-reklutaġġ ta’ impjegati mhux soġġett għall-approvazzjoni tal-Management and Personnel Office. Spjega wkoll li l-ħaddiema mhumiex uffiċjali pubbliċi, l-uffiċċju mhux dipartiment tal-Gvern jew awtorità pubblika li jaqgħu taħt xi Ministeru.
Fisser ukoll kif kull vakanza fl-uffiċċju ġiet irreklamata fil-ġurnali lokali, l-uffiċċju dejjem irċieva kwantità kbira ta’ applikazzjonijiet u dawk li japplikaw kienu taħt skrutinju ta’ bord tal-għażla li kien hu li jirrakkomanda l-aħjar kandidat għall-ħatra.
Filwaqt li stqarr li ma jifhimx x’inhu l-iskop wara l-insistenza ta’ kampanja dwar l-ingaġġar ta’ persuni f’positions of trust mal-Gvern u ma’ entitajiet pubbliċi, l-Uffiċċju tal-Ombudsman stqarr li qed jikkonkludi opinjoni dwar dan is-suġġett u li din mistennija tiġi ppubblikata f’qasir żmien.
//= $special ?>