L-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq emendi għall-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali. Dan fid-dawl tal-Abbozz li ġie ppreżentat fil-Parlament wara li l-Qorti Kostituzzjonali sabet li dan l-Att, li ddaħħal f’pajjiżna fl-1976, qed jikser l-indipendenza u l-awtonomija tat-Tribunal Industrijali.
Dan ħabbritu x-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia wara laqgħa ta’ konsultazzjoni li saret ma’ diversi unions u msieħba soċjali dwar l-Abbozz ta’ Liġi mressaq mill-Gvern. Hi sostniet li filwaqt li tifhem l-urġenza li biha trid issir ir-riforma, l-Oppożizzjoni tinsisti li din tingħata prijorità minħabba li se tolqot b’mod dirett id-drittijiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Il-prinċipji li l-Oppożizzjoni se tkun qed tibni l-proposti fuqhom huma:
– li t-Tribunal ikun presedut minn persuni maħtura bi proċedura li tagħtihom ‘security of tenure’, li jkun assigurat li dawn il-persuni ma jkunux marbutin li jsegwu direzzjoni politika, kif ukoll li jkun assigurat li jkun hemm il-kompetenza fil-qasam;
– li dan jista’ jintlaħaq jekk it-Tribunal ikun presedut minn Maġistrat;
– li tiġi assigurata wkoll is-‘security of tenure’ tal-membri ta’ ‘panels’ li jassistu liċ-Chairman tat-Tribunal f’każijiet;
– li l-Gvern ma jżommx ‘a finger in the pie’ fil-ħatriet u t-tkeċċijiet ta’ min jippresjedi kif ukoll tal-membri assistenti;
– li l-emendi ma għandhomx iwasslu biex il-proċeduri jitwalu jew isiru aktar burokratiċi, iżda biex kemm jista’ jkun jiqsar iż-żmien li fih jiġu deċiżi;
– li l-partijiet ikollhom dritt ta’ appell effettiv;
– li x-xogħol tal-istaff amministrattiv fi ħdan it-Tribunal Industrijali jiġi vvalorizzat anke fl-istruttura riformata tat-Tribunal.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għar-Relazzjonijiet Industrijali Carm Mifsud Bonnici qal li waqt il-laqgħa ta’ konsultazzjoni tal-bieraħ deher b’mod ċar li jidher li hemm konsensus dwar dawn il-prinċipji bejn il-partijiet konċernati.
//= $special ?>