Il-kanzunetta li se tirrappreżenta lill-Ukrajna fil-konkors tal-Eurovision 2016 tittratta d-deportazzjoni sfurzata tal-membri ta’ komunità li seħħet fuq direttiva speċifika tal-eksdittatur Sovjetiku Josef Stalin, waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-kanzunetta 1944 ta’ Jamala tittratta t-traġedja ta’ bużnannitha, membru tal-komunità tat-Tatar, meta Stalin keċċa lilha u madwar 240,000 Tatar ieħor lejn iz-zoni għeri tal-Asja Ċentrali. Din il-mewġa ‘tal-imkeċċija’ kienet twasslet hemm permezz ta’ ferroviji ppakkjati, b’eluf imutu waqt il-vjaġġ inkella bil-ġuħ ftit wara li laħqu d-destinazzjoni.
Il-ħtif, fl-2014, tal-Krimea mir-Russja serva, fost oħrajn, biex iqanqal dawn il-memorji koroh. Għalkemm 1944 ma tikkummentax direttament dwar ‘il-Krimea’, il-kantanta Rouslana, eksrebbieħa tal-Eurovision, enfasizzat: “Din il-kanzunetta tittratta preċiżament dak li aħna lkoll qegħdin insofru, illum, fl-Ukrajna.”
Jamala qalet li, il-kanzunetta 1944 hi dwar il-familja tagħha, u li kull darba li hi tkantaha, tkun qed taħseb fi qrabatha li għadhom qed jgħixu fil-Krimea.
Josef Stalin keċċa lit-Tatars wara li akkużahom bħala ‘kollaboraturi man-Nazisti’. Sadattant, Jamala qalet li daħlet fil-Eurovision ta’ din is-sena ‘għaliex riedet li n-nies jisimgħu kanzunetta li nkitbet minn xi ħadd b’qalbu maqtugħa’, wara li r-Russja ħatfitilha artha.
Ir-regoli tal-Festival tal-Eurovision jipprojbixxu kanzunetti b’lirika politika. Fl-2009, il-kanzunetta ta’ Georgia kienet eskluża bħala ‘waħda li rredikolat’ lill-President Russu Vladimir Putin.
Il-kanzunetta We Don’t Wanna Put In, kienet intgħażlet biex tirrappreżenta lil Georgia fil-Eurovision anqas minn sena wara li dan il-pajjiż u r-Russja kienu daħlu f’konflitt dwar ir-reġjun tal-Ossezja t’Isfel.
//= $special ?>