L-Istati Uniti żvelat pjani għall-għeluq tal-faċilità kontroversjali għaż-żamma tal-priġunieri fil-Bajja ta’ Guantanamo, f’Kuba.
Dan meta l-għeluq tal-faċilità jibqa’ fost l-ambizzjonijiet prinċipali tal-President Amerikan Barack Obama.
Il-Pentagon ta’ Washington ippropona t-trasferiment tal-91 priġunier li għad fadal fi Guantanamo lejn pajjiżhom ta’ oriġini – inkella lejn kumplessi ta’ ħabs ċivili jew militari fl-Istati Uniti. Madankollu, il-Kungress Amerikan hu kontra dan il-pass u mistenni jagħmel li jista’ biex iwaqqaf il-miżura.
It-tmexxija tal-ħabs ta’ Guantanamo tiswa l-ekwivalenti ta’ $445 miljuni fis-sena u Obama kien wiegħed li jagħlaq il-kumpless mill-ewwel żmenijiet tiegħu bħala President tal-Istati Uniti.
Hu, issa, informa lill-ġurnalisti li l-ħabs partikolari ‘qed itellef is-sigurtà nazzjonali’ u li l-għeluq tal-kumpless għandu jitqies ‘daqslikieku l-għeluq ta’ kapitlu fl-istorja tal-Istati Uniti’.
//= $special ?>