Internazzjonali

‘Tgħid kienu l-Pink Floyd?’…Astronawti tal-Apollo 10 semgħu ‘il-mużika misterjuża’ minn zona tal-qamar

Astronawti fuq l-Apollo 10 li, fl-1969, dar l-orbita tal-qamar qabel l-inżul storiku (fuq il-qamar), fl-istess sena, mill-astronawta Neil Armstrong kienu semgħu ‘mużika’ misterjuża mill-parti mbiegħda tal-qamar li ma setgħux jispjegawha.

Dan skont recordings tan-NASA li ma ħarġu qatt qabel għall-konsum tal-pubbliku. Jingħad ukoll li l-‘mużika’ ma setgħetx tinqabad mit-trasmissjonijiet tar-radju fid-dinja fil-ħin partikolari.

L-Apollo 10 kien dar maz-zona mbiegħda tad-dinja u r-recordings jindikaw li l-astronawti ta’ fuqu rreaġew b’sorpriża u konfużjoni għall-ħsejjes ‘uniċi’, fosthom tisfir, li huma setgħu jisimgħu minn fuq il-headsets.

L-astronawti – Eugene Cernan, Tom Stafford u John Young – bdew jisimgħu ‘il-mużika’ ladarba l-inġenju spazjali kien għaddej bi vjaġġ ta’ siegħa lejn in-naħa mbiegħda tal-qamar u meta l-Apollo 10 kien ‘il bogħod minn kwalunkwe frekwenza li kienet ġejja mid-dinja. Fil-fatt, f’ħin partikolari l-astronawti jinstemgħu ( fuq ir-recording) jiddiskutu ‘jekk kellhomx jinfurmaw lill-kapijiet tal-missjoni man-NASA’.

Wieħed mill-astronawti jinstama’ jikkummenta dwar ‘it-tisfir stramb’, u ieħor jgħid li ‘l-ħoss partikolari hu ta’ mużika li ġejja mill-ispazju’. Il-ħsejjes – ‘mużika’ – damu għas-siegħa sħiħa li l-inġenju spazjali kien fiz-zona mbiegħda tal-qamar.

Ladarba Apollo 10 irritorna fid-dinja, in-NASA warrbet ir-recording sal-2008, u sakemm ma baqax meqjus bħala informazzjoni klassifikata. Intant, ir-recording għandu jispikka, ‘il quddiem, waqt it-tielet staġun tas-sensiela NASA’s Unexplained Files li tixxandar mis-Science Channel.

Forsi hawnhekk wieħed għandu jagħmel parentesi fis-sens li l-‘mużika’ inkwistjoni ma għandha x’taqsam xejn mal-album ċelebri The Dark Side of the Moon tal-grupp Pink Floyd li kien ħareġ fl-1 ta’ Marzu tal-1973.