Il-Parlament sellem il-memorja tan-Nutar Joseph Spiteri, eks-Ministru u Membru Parlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista, bil-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jiddeskrivih bħala fost l-arkitetti politiċi li ħadu ċ-ċavetta u fetħu l-bieb ta’ Malta bħala pajjiż indipendenti.
Fil-preżenza tal-familjari tan-Nutar Spiteri, li miet fis-6 ta’ Frar fl-età ta’ 95 sena, il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel tliet riflessjonijiet dwar Ġużi Spiteri bħala politiku, bħala Ġużi Spiteri fil-professjoni, u bħala sepliċiment il-bniedem.
Bħala politiku, Simon Busuttil fakkar lill-Parlament li kien l-aħħar Ministru li kien baqa’ mill-Kabinett fi żmien li fih Malta kisbet l-Indipendenza, u rringrazzjah għall-ħidma politika li wettaq biex pajjiżna kiseb l-Indipendenza. Kien Ministru ta’ setturi importanti f’mument ukoll importanti wara 160 sena bħala pajjiż kolonja.
Iddeskrivih bħala fost l-arkitetti ta’ pajjiżna li kien għadu kif ħa ċ-ċavetta tal-bieb tal-indipendenza, u li fetaħ dan il-bieb. Bħala Ministru, poġġa wkoll l-ewwel pedamenti tal-industrija tat-turiżmu li s-suċċess tagħha għadna ngawdu sal-lum.
Fakkar ukoll u sellem lin-Nutar Ġużi Spiteri li bħala bniedem fil-politika, daq is-sabiħ kif ukoll l-imrar tal-politika, kemm hu personalment kif ukoll il-familja tiegħu.Bniedem ukoll li ħalla wirt fil-politika bis-sehem li qed jagħti fil-politika lokali ibnu, is-Sindku ta’ Ħal Balzan, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jawguralu li jibqa’ fil-politika lil hinn ukoll mil-lokalità.
Bħala bniedem tal-professjoni, Simon Busuttil fisser lin-Nutar Spiteri bħala bniedem li kulħadd jafu għall-professjoni tiegħu li hi wkoll marbuta mal-lokalità tan-Naxxar, Professjoni li wkoll għaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra. Kien ukoll bniedem ta’ professjoni fil-komunità Naxxarija u fil-qasam soċjali.
Bħala bniedem, Smon Busuttil qal li ltaqa’ ma’ Ġużi Spiteri bħala student tal-Liġi fejn kien jistudja flimken mat-tifel tiegħu. Fissru bħala bniedem ta’ serjetà imma ċajtier, dejjem bi tbissima u lest li jagħti parir. Bniedem umli bi statura li iżda dejjem baqa’ magħruf għall-umiltà tiegħu li ntirtet mit-tfal u n-neputijiet. Kien inħobb l-isport, is-sajd u l-annimali. Kien fuq kolox bniedem kalm li fil-politika hi importanti għax twassal biex l-argument jasal b’mod aħjar.
Quddiem il-wirt kbir fil-politika, Simon Busuttil, sellem lin-Nutar Spiteri f’isem l-Oppożizzjoni u rringrazzja lilu u lill-familja tiegħu li kienet dejjem preżenti u li selfitu lill-PN u lil-pajjiżna.
Għan-naħa tal-Gvern, il-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia qal li n-Nutar Spiteri kien politiku moderat li dejjem ħabb il-familja, għaraf ukoll is-sabiħ tal-ħajja u involva ruħu f’attivitajiet kurrenti u kulturali bis-sehem ukoll li ta fil-Peace Band fin-Naxxar. Fisser lin-Nutar Spiteri bħala bniedem ukoll li spikka fil-professjoni u kien ġentlom.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia wkoll ingħaqad fil-kondoljanzi u fit-tislima lin-Nutar Spiteri, li fissru bħala politiku li jibqa’ mfakkar bħala membru eżemplari, persuna li taf tħobb u Ministru li serva fil-qasam tax-xogħol u d-djar.
Il-Parlament ukoll ippubblika pubblikazzjoni b’tifkira tal-memorja tan-Nutar Spiteri, li fih jinkludi l-ewwel diskors li għamel fil-Parlament fit-22 ta’ Ottubru 1962. Dak id-diskors kien ukoll fost l-itwal diskorsi li saru minn membri parlamentari fl-ewwel diskors tagħhom fil-Kamra. In-Nutar Spiteri kien għamel dan l-ewwel diskors tiegħu wkoll bħala deputat ġdid u bħal Ministru tal-Gvern.
L-Ispeaker sellem ukoll lin-Nutar Spitjeri bħala persuna li kien popolari u rispettat ħafna fid-distrett tal-Mosta u n-Naxxar.
Flwaqt li sellem ukoll lin-Nutar Spiteri bħala wieħed minn tal-ewwel Ministri li għamlu ġid bħala pajjiż indipendenti, ingħaqad maż-żewġ naħat tal-Kamra u wassal il-kondoljanzi lill-familjari tan-Nutar Spiteri.
In-Nutar Spiteri serva bħala Ministru tal-Agrikultura, tal-Industrija u l-Kummerċ u tax-Xogħolijiet u l-Housing sabiex b’hekk il-karriera Ministerjali tan-Nutar Spiteri estendiet mill-1962 sal-1971. Serva wkoll bħala membru parlamentari bejn l-1955 u 1971.
//= $special ?>