Lokali

Aġġornata b’Filmat: Żvelati kontijiet sigrieti ta’ Konrad Mizzi f’Panama u New Zealand, għal Muscat m’hemmx problema

Filmat : Times of Malta

Aġġornata :

Fil-Parlament illejla, il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa lill-Prim Ministru jekk hux se jagħmel stqarrija ministerjali dwar aħbar xokkanti li l-Ministru Konrad Mizzi għandu kontijiet sigrieti mhux f’Malta – trust u kumpanija – u jekk hux se jagħti spjegazzjoni fuq dak li ġie żvelat.

Aktar kmieni …

Il-Ministru Konrad Mizzi u l-mara tiegħu Sai Mizzi għandhom kont fi New Zealand, li jissejjaħ ‘trust’ u li fih aktarx se jkunu qed jitfgħu l-flus u l-propjetà tagħhom biex jitmexxew minn terzi.

Il-kont, li jissejjaħ ‘family trust’, infetaħ fl-2015 u għad mhux magħruf jekk Konrad Mizzi u l-mara tiegħu diġa tefgħux l-assi tagħhom fih. Hu mifhum li normalment, dawn it-tip ta’ kontijiet jinfetħu biss minn persuni li jkollhom mijiet ta’ eluf ta’ ewro.

Il-kont sigriet ta’ Konrad Mizzi ġie żvelat fl-aħħar jiem u wara din l-aħbar, il-Ministru Konrad Mizzi kien sfurzat jammetti li għandu dan il-kont. Madanakollu għad hemm ħafna mistoqsijiet u dubji dwar dan il-kont sigriet.

Il-Ministru Konrad Mizzi kien involut fl-iskandlu tax-xiri taż-żejt mill-kumpanija SOCAR fl-Ażerbajġan, b’rapport mill-Awditur Ġenerali li kien ikkonferma l-indħil dirett minn Konrad Mizzi. Dan kien wassal biex il-Gvern tilef mal-€14-il miljun bil-ftehim li sar b’indħil dirett minn Konrad Mizzi.

Il-mara tal-Ministru, Sai Mizzi, min-naħa tagħha titħallas €13,000 fix-xahar biex tagħmilha ta’ mibgħut speċjali ta’ Malta f’Shanghai. Madanakollu, fl-unika darba li kienet Malta u indirizzat il-media, kienet qalet li l-anqas biss għandha telefon fl-uffiċju tagħha.

Dan il-kont ġie żvelat lejliet il-ħatra ta’ Konrad Mizzi bħala Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, wara li Joseph Muscat biddel l-istatut tal-Partit Laburista biex membru Parlamentari (bħal Konrad Mizzi) ikun jista’ jiġi elett f’din il-kariga. Filfatt, Konrad Mizzi kien l-uniku persuna li tefa’ n-nomina għal din il-kariga u se jkun qed itellaq waħdu.

Aġġornata: Mistoqsi dalgħodu mill-ġurnalisti, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li m’għandux problema li l-Ministru Konrad Mizzi għandu dan it-‘trust fund’ fi New Zealand.

Mistoqsi wkoll jekk wara li kien żvelat dan kollu, il-Prim Ministru jinkwetahx il-fatt li taħt ir-responsabbiltà ta’ Konrad Mizzi jaqgħu proġetti ta’ miljuni kbar għall-pajjiż, il-Prim Ministru qal li jinkwieta biss li kieku Mizzi ma ddikjarax dak li għamel u li għandu.

Il-ġurnalisti staqsew ukoll lill-Prim Ministru jekk min-naħa tiegħu għandux xi ‘trust fund’ simili għal dak li għandu Konrad Mizzi, qal li m’għandux, filwaqt li qal li ma jafx lanqas jekk iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri għandux kont simili.​

Ara l-filmat tat-Times of Malta f’dan il-link.