Internazzjonali

Appell tar-Ryanair favur is-sħubija tar-Renju Unit fl-UE

Hekk kif il-kampanja lejn ir-referendum f’Ġunju dwar jekk ir-Renju Unit għandux jibqa’ membru tal-Unjoni Ewropea qed tirranka, ir-Ryanair appellat għal vot favur is-sħubija.
Michael O’Leary, il-kap tar-Ryanair, qal bħala l-ikbar linja tal-ajru fir-Renju Unit, ir-Ryanair kienet assolutament konvinta li kien hemm ċans akbar li l-ekonomija Ingliża tissaħħaħ bħala membru tal-UE milli kieku ma kinitx. Hu qal li jekk ir-Renju Unit jitlaq mill-UE, dan ma kienx se jwassal biex il-pajjiż jiffranka l-flus jew il-burokrazija. Dan peress li bħan-Norveġja, il-pajjiż xorta jkollu jagħmel pagamenti lill-UE u jobdi r-regoli tagħha jekk trid tagħmel il-kummerċ mal-UE.
Matul din il-ġimgħa diversi kumpaniji stabbiliti fir-Renju Unit għamlu appelli simili lill-elettorat Ingliż. David Cameron, il-Prim Ministru Ingliż, sejjaħ referendum wara li nnegozja sensiela ta’ riformi mal-UE. Li jkun hemm referendum dwar is-sħubija fil-pajjiż kienet wegħda elettorali ta’ Cameron.
Ir-Ryanair qalet li filwaqt li kien minnu li l-UE kellha bżonn riforma, il-benefiċċji ta’ sħubija għall-pajjiż kienu kbar u l-impatt jekk jintilfu jekk ir-Renju Unit ma jibqax membru kienu kbar.