Il-Prim Ministru ddikjara fil-Parlament li m’għandux stqarrijiet x’jagħmel fil-Parlament dwar il-kumpanija fi New Zealand u t-trust fil-Panama li għandu l-Ministru Konrad Mizzi kif kien żvelat matul il-ġurnata tal-lum fil-media.
Fil-Parlament illejla, il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa lill-Prim Ministru jekk hux se jagħmel stqarrija ministerjali dwar aħbar xokkanti li l-Ministru Konrad Mizzi għandu kontijiet sigrieti mhux f’Malta – trust u kumpanija – u jekk hux se jagħti spjegazzjoni fuq dak li ġie żvelat.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li trust mhix fiduċja iżda għal dan il-Gvern tfisser borża flus fi New Zealand. Fisser li l-Panama hu pajjiż fejn hu meqjuż bħala pajjiż marbut mal-evażjoni tat-taxxa, ħabi ta’ flus u ħasil ta’ flus.
F’dawn il-kumpaniji, kompla jispjega Simon Busuttil ma jitqiegħdux pagi. Il-kumpanija u t-trust huma fit-trufijiet tad-dinja u mhux f’Malta fejn għandna ċentru ta’ servizzi finanzjarji.
Fakkar lill-Parlament li l-Ministru Konrad Mizzi hu l-Ministru li biegħ l-Enemalta u l-impjant ġdid f’Delimara tal-BWSC b’ħabi u b’kuntratti mhux pubblikati. Ministru wkoll li għażel li jżur l-Ażerbajġan, li pprivatizza l-Isptar ta’ Għawdexu, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karen Grech, u li l-mara tiegħu qed tieħu €13,000 fix-xahar. Ministru wkoll li għada se jinħatar Deputat Kap tal-Partit Laburista.
Il-Prim Ministru qal li mhux se jagħmel stqarrija iżda se jgħid biss li ra abbozz tad-dikjarazzjoni tal-assi li se jressaq fil-Parlament, u li mhux veru li t-trust u l-kumpanija saret kemm ilu Ministru.
//= $special ?>