Ambjent Lokali

Il-gamiem qed ikun meqjus bħala speċi vulnerabbli fuq livell Ewropew

Il-Kaċċa fir-Rebbiegħa tibqa’ t-tħassib ewlieni tal-għaqda mhux governattiva Birdlife Malta. Dan ħareġ minn laqgħa li l-NGO kellha f’Kastilja mal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta Mark Sultana qal li qed isiru affarijiet fuq livell Ewropew li huma ta’ tħassib u li fuq kollox iħassbu anke f’pajjiżna. Dan hekk kif, fuq livell Ewropew, il-gamiem qed ikun meqjus bħala speċi vulnerabbli u li allura għandu bżonn ta’ aktar protezzjoni.

Mark Sultana kompla kif il-protezzjoni li qed tingħata lill-ispeċi tal-gamiem fuq livell Ewropew għandha tibda tingħata wkoll f’Malta billi b’xi mod jew ieħor ikollha tkun affetwata l-Kaċċa fir-Rebbiegħa.

Birdlife sostniet li minkejja r-riżultat tar-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa, pajjiżna għandu jirrispetta dan l-iżvilupp fuq livell internazzjonali u jagħti l-protezzjoni li hemm bżonn għall-gamiem.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li r-rwol tiegħu hu li jsib soluzzjoni u mhux li jsib bilanċ. Qal li anke l-għaqdiet tal-Kaċċaturi qed jifhmu dan l-iżvilupp u għalhekk jemmen li għandu jkun hemm aktar diskussjoni bejn il-partijiet kollha.