Il-Korea ta’ Fuq heddet li tattakka l-Palazz tal-President tal-Korea t’Isfel flimkien mal-bażijiet Amerikani li hemm fil-Korea t’Isfel.
Dan ħareġ fi stqarrija tal-militar tar-reġim ta’ Pyongyang fejn intqal li lest jagħmel attakk simili anki jekk il-Korea ta’ Fuq ma tkunx taħt attakk imma bħala prekawzjoni jekk ikollu ħjiel ta’ periklu.
Il-militar tal-Korea ta’ Fuq qal li lest jirreaġixxi jekk fil-bidu ta’ Marzu jkun hemm il-manuvri tas-soltu bejn il-militar tal-Korea t’Isfel u dak Amerikan.
Ta kull sena l-militar tal-Korea t’Isfel u dak Amerikan jagħmlu manuvri kbar imlaqqma Key Resolve u Foal Eagle u kull darba dawn iqanqlu kliem ostili minn Pyongyang imma rarament kienu iebsa daqs dawk li għadhom kemm saru mill-militar Korean.
L-istqarrija ddeskriviet dawn il-manuvri bħala l-qofol tal-atti ostili u li l-militar kien lest biex jirreaġixxi immedjatament mingħajr ħniena.
Il-Korea ta’ Fuq thedded li tattakka l-Korea t’Isfel
