Lokali

Il-mewt f’Monte Karmeli: l-inkjesta titfa’ ħtija fuq l-impjegati

L-isptar Monte Karmeli

L-inkjesta interna li kien ordna l-Ministru Carmelo Abela wara l-mewt tal-priġinier Richard Geoffrey Paxton ikkonkludiet illi ma kienx hemm nuqqasijiet ikkawżati mis-sistema amministrattiva tat-taqsima iżda nuqqas min naħa ta’ xi impjegati.

Paxton kien instab mitluf minn sensieh wara li pprova jneħħi ħajtu b’idejh fiċ-ċella waqt li kien qed jiżamm taħt arrest preventiv fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli fid-9 ta’ Jannar li għadda. Il-mewt ta’ dan il-priġunier kienet biss waħda minn sensiela.

Ir-rapport intern kien ippreżentat lill-Ministru Abela u diskuss mal-Avukat Ġenerali minħabba li bħalissa hemm għaddejja inkjesta maġisterjali. Dan ir-rapport intern ma ġiex ippubblikat.

Fi stqarrija l-Ministeru qal illi f’dan l-istadju ikun prematur li jingħataw aktar kummenti dwar jekk dan in-nuqqas jammontax għal negliġenza kriminali jew għal xi reat kriminali ieħor. Dan għaliex dan mhux il-funzjoni ta’ din l-inkjesta iżda il-kompitu tal-inkjesta maġisterjali.

F’dan l-istadju wieħed għandu jħalli l-Maġistrat Inkwerenti jkompli u jlesti l-ħidma fuq dan il-każ, ittemm tgħid l-istqarrija.

Fi tliet xhur mietu b’kollox 5 persuni li kienu fil-kustodja tal-awtoritajiet.

Fl-1 ta’ Ottubru, Martin Fenech neħħa ruħu b’idejh f’waħda miċ-ċelel tad-Depot. Fis-27 ta’ Diċmebru, raġel Ġermaniż instab mejjet fil-lock-up. U fid-9 ta’ Jannar neħħa ħajtu b’idejh Ingliż li kien qed jinżamm f’Monte Karmeli.

Fis 27 ta’ Jannar miet ħabsi fl-Isptar Mater Dei kawża ta’ infezzjoni fil-ħabs. U kien fl-1 ta’ Frar, ftit tal-jiem wara l-mewt ta’ Paxton, meta fil-ħabs instab mejjet Emanuel Schembri.