Quddiem in-nuqqas ta’ qbil li kien hemm fil-Parlament ilbieraħ fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, il-Parlament mhux se jiltaqa’ għada l-Ħamis biex jiddiskuti mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar riforma għall-ħatra tal-membri tal-ġudikatura.
Il-Gvern ilbieraħ oġġezzjoni li għada l-Parlament jiltaqa’ biex jiddiskuti l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li ressaq diġà fil-Parlament ix-Shadow Minister Jason Azzopardi. Minflok, il-Gvern irid diskussjoni fit-8 ta’ Marzu biex jiddiskuti Abbozz ta’ Liġi tiegħu dwar riformi fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, li għad irid jiġi ppubblikat.
Fl-istess laqgħa kien hemm nuqqas ta’ qbil ukoll meta l-Gvern iddikjara li l-Oppożizzjoni ma tistax tressaq il-mozzjoni tagħha kif ipppreżentat fil-Parlament għaliex l-Abbozz ta’ Liġi hu money bill, bl-Oppożizzjoni targumenta li kien hemm okkażjonijiet fil-Parlament fejn tressaq Abbozz ta’ Liġi, meqjus ukoll bħala money bill, li ma kellux bżonn il-messaġġ tal-President, li t-talba għal dan trid titressaq minn Ministru tal-Gvern.
F’ruling li ta llejla fil-Parlament quddiem dan in-nuqqas ta’ qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li fuq pariri indipendenti li ħadet is-Sedja u pariri tal-Avukat Ġenerali, l-Abbozz ta’ liġi mressaq mill-Oppożizzjoni li jitlob li tiżdied l-età tal-irtirar tal-ġudikatura u t-twaqqif ta’ Awtorità dwar l-Għażla għas-Servizz Ġudizzjarju, irid jitressaq b’messaġġ tal-President ta’ Malta għaliex jinċidi fuq l-ispiża tal-Gvern u hu meqjus bħala money bill.
Biex ix-Shadow Minister Jason Azzopardi jibqa’ jmexxi l-progress tal-Abbozz tiegħu fil-Parlament għall-istadju tad-dibattitu fit-Tieni Qari, l-Ispeaker iddikjara li jrid ikun hemm qbil fil-Kamra biex ikun jista’ jsir dan.
Irrimarka wkoll li hu minnu li kien hemm każ fil-passat, kif argumenta wkoll fil-laqgħa tal-Kumitat il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius, li tressaq Abbozz ta’ Liġi minn Oppożizzjoni meqjus ukoll bħala money bill. L-Ispeaker irrimarka li dwar dan kien hemm qbil, u l-Abbozz intbagħat lill-Avukat Ġenerali, li min-naħa tiegħu kien hemm komunikazzjoni li ntbagħtet lill-Iskrivan tal-Kamra li ddikjarat li ma kienx hemm bżonn messaġġ tal-President quddiem il-qbil li kien hemm fil-Kamra.
L-Ispeaker iddeċieda wkoll f’ruling ieħor li ta llejla fil-Parlament, li x-xogħol fil-Parlament li jmiss li jsir fil-ġurnata tal-Ħamis, ikun xogħol imressaq mill-Gvern.
Dan wara li spjega li matul din il-leġislatura, kienu f’żewġ okkażjonijiet li fihom il-pPrlament iltaqa’ fil-ġurnata tal-Ħamis, li mhix il-ġurnata ta’ fiha jsiru seduti parlamentari jekk ma jkunx hemm qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni. Fil-ġurnata tal-Ħamis tas-17 ta’ Lulju tal-2014, il-Parlament kien tlaqqa’ biex isir xogħol tal-Gvern. Fid-19 ta’ Novembru li għadda, il-Parlament tlaqqa’ fuq talba tal-Oppożizzjoni li fiha, iżda, kien hemm qbil biex jiġu diskussi mozzjoni tad-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri u abbozz ta’ Liġi ieħor tal-Gvern dwar l-istess suġġett.
Wara nuqqas ta’ qbil fil-laqgħa tal-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra tal-bieraħ dwar min għandu jressaq ix-xogħol għad-diskussjoni fil-Kamra meta terġa’ tiltaqa’ fil-ġurnata tal-Ħamis, l-Ispeaker qal li skont ir-regolamenti tal-Kamra u rulings ukoll li ngħataw fil-passat, fl-ewwel seduta li tilqa’ l-Ħamis hu l-Gvern li għandu jressaq ix-xogħol quddiem il-Kamra.
//= $special ?>