Waqt laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, li nżammet ilbieraħ filgħaxija, il-Partit Nazzjonalista approva grupp ieħor ta’ sitt Kandidati għall-elezzjoni ġenerali. B’hekk, it-total ta’ Kandidati approvati għall-elezzjoni ġenerali issa tela’ għal 55 Kandidat.
Il-Kandidati l-ġodda u li qatt ma kkontestaw elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista huma: Sam Abela, Karol Aquilina, Ivan Bartolo, Thomas Bugeja, Anne Marie Muscat Fenech Adami u Alex Perici Calascione.
F’kumment wara l-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li “dan hu pass ieħor ta’ tiġdid fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, li mhux biss qed iġedded il-politika tiegħu f’setturi differenti, iżda anke n-nies”.
Simon Busuttil kompla li “llum, il-Partit Nazzjonalista hu Partit miftuħ bi Grupp Parlamentari, Kandidati għall-elezzjoni ġenerali, fergħat u ‘policy fora’ magħmula minn nies differenti li kollha qed jaħdmu, mhux biss fuq policies ġodda, iżda wkoll biex iżommu kuntatt dirett mal-familji Maltin u Għawdxin”.
Deskrizzjoni qasira tal-Kandidati l-ġodda:
Sam Abela – Nutar. Imwieled u jgħix ir-Rabat. Membru tal-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista. Kien attiv f’diversi għaqdiet, fosthom il-Kunsill Studenti Universitarji.
Karol Aquilina – Avukat. President tal-Kumitat Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista. Sindku tas-Siġġiewi.
Ivan Bartolo – Fin-negozju tal-familja. Kunsillier Lokali f’Raħal Ġdid. Qabel kien attiv fil-Kumitati tal-Parroċċa u tal-Banda.
Thomas Bugeja – Avukat. Eks President tal-Kunsill Studenti Universitarji. Joqgħod Marsaskala bil-familja miż-Żurrieq.
Anne Marie Muscat Fenech Adami – CEO ma’ kumpanija privata. Viċi Sindku tan-Naxxar. Membru tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
Alex Perici Calascione – Avukat. Minn Ħal Lija. Teżorier tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>