Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat il-ħtija tal-eks-Ministru Laburista Joe Grima ta’ libell fil-konfront ta’ Richard Cachia Caruana u ordnatlu jħallas multa ta’ €5,000 li kienet ordnatlu l-ewwel Qorti.
Il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabet lil Grima ħati li permezz ta’ żewġ posts fuq Facebook fl-2012 kien ikkaġuna libell u malafama lil Richard Cachia Caruana u kienet ordnatlu jħallas id-danni ta’ €5,000.
L-Imħallef Anthony Ellul, fi tmiem is-smigħ tal-provi fil-kawża ta’ appell, iddikjara li l-fatt li persuna tkun tokkupa kariga pubblika ma jfissirx li ħaddieħor jista’ jgħid li jrid dwarha filwaqt li ddeskriva dak li kiteb Grima bħala “attakk frontali” u “kliem dispreġġjattiv intiż biex iwaqqa’ lill-attur għar-redikolu”.
Ikkundanna wkoll lil min, għax irid, jimmalafama lil ħaddieħor u qal li bħalma ġara f’dan il-każ, min jagħmel hekk irid jifhem li se jkollu jdaħħal idu fil-but u jħallas lill-vittma. Spjega wkoll li Grima kellu kull opportunità jissostanzja bil-provi dak li allega imma minkejja li l-Qorti tatu l-opportunità, hu għażel li ma jressaq ebda prova.
Għalhekk il-Qorti qalet li ma setgħet tasal għal ebda konklużjoni differenti mill-ewwel Qorti u ordnat lil Grima jħallas id-danni stabbiliti.
//= $special ?>