Qorti

Il-Qorti tordna li priġunier jinħareġ mill-ħabs

Il-Qorti llum ordnat li priġunier jinħareġ b’mod immedjat mill-ħabs u tatu żmien sa nhar it-Tnejn biex jiftaħ proċeduri kontra l-Qorti Ċivili li kienet ordnat l-arrest tiegħu.

Il-Maġistrat Joe Mifsud ħeles mill-ħabs lil Nazzareno Bartolo, ta’ 55 sena, li kien ġie arrestat wara li nstab ħati li kellu dejn ma’ raġel ieħor li kien fetaħ kawża kontrih quddiem il-Qorti Ċivili. Ir-raġel li fetaħ il-kawża kien ikkwota klawsola partikolari fil-liġi li tista’ twassal għall-arrest ta’ persuna li ma tkunx tista’ twettaq att li tkun daħlet f’impenn kuntrattwali li twettaq.

Il-Qorti Ċivili, permezz tal-Imħallef Silvio Meli, il-ġimgħa li għaddiet ordnat li r-raġel jiġi arrestat minħabba dejn ta’ madwar €11,000. Imma l-avukati tal-akkużat, Franco Galea u Stefan Balzan, ressqu applikazzjoni quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud jinsistu li r-raġel ġie arrestat b’mod illegali.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Mifsud irrefera għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li tgħid li ebda persuna m’għandha tiċċaħħad mil-libertà tagħha unikament minħabba li ma jkunx kapaċi jwettaq obbligazzjonijiet kuntrattwali.

L-avukat Kevin Vella, li deher għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, ma oġġezzjonax għat-talba ta’ Bartolo biex jinħareġ mill-ħabs sakemm id-drittijiet ta’ min qed jisilfu l-flus ma jiġux affettwati. Il-Maġistrat għalhekk ordna l-ħelsien immedjat ta’ Bartolo bil-kundizzjoni li, sa nhar it-Tnejn, jiftaħ kawża ċivili kontra d-deċiżjoni preċedenti tal-Qorti Ċivili.