Lokali

Il-whistleblower għamel ix-xogħlijiet u kien il-President tal-klabb tal-futbol li gawda minnhom

Fil-Qorti ta’ Għawdex ikompli l-każ tar-raġel tal-eks-Ministru għal Għawdex u joħroġ li l-istess proċedura għadha qed tintuża s’issa

Il-whistleblower fil-każ tar-raġel tal-eks-Ministru għal Għawdex kien jokkupa l-kariga ta’ President tal-klabb tal-futbol Għarb Rangers fiż-żmien meta l-faċilitajiet tal-istess klabb kienu qed jiġu mtejba minnu stess bħala kuntrattur, permezz ta’ din l-allegata skema mmexxija mill-Ministeru għal Għawdex.
Dan ħareġ ilbieraħ hekk kif fil-Qorti ta’ Għawdex kompla jinstema’ l-każ li fih Anthony Debono, ir-raġel tal-eks-Ministru għal Għawdex, jinsab mixli bl-użu ta’ fondi pubbliċi għal xogħlijiet fi proprjetajiet privati.

Ilbieraħ xehed is-Sindku tal-Għarb David Apap li qal li madwar 10 snin ilu l-Kunsill Lokali taħt it-tmexxija tiegħu talab l-għajnuna finanzjarja tal-Ministeru għal Għawdex għal tliet proġetti – biex isir titjib fil-pitch tal-futbol tal-Għarb Rangers FC, biex isir five-a-side pitch fl-iskola primarja u biex issir platform tal-konkrit biex tintuża mill-kumitat tal-festa tar-raħal.

Hu spjega li hija l-prassi li l-kunsilli jippruvaw jiksbu fondi mill-Gvern Ċentrali, li mbagħad jiddiriġihom skont il-każ. F’dan il-każ partikolari, kompla jixhed, il-kunsill kien intbagħat għand il-Construction and Maintenance Unit, is-CMU, fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.

Agius, li spjega li dak iż-żmien hu kien ukoll is-Segretarju tal-klabb tal-futbol tal-Għarb, qal li bħala President tal-istess klabb kien hemm il-kuntrattur Joseph Cauchi li mbagħad sar il-whistleblower f’dan il-każ. Cauchi nnifsu kien tqabbad biex jagħmel dawn ix-xogħlijiet pubbliċi fl-Għarb.

Agius kompla jixhed li xahar wara l-aħħar elezzjoni kien irċieva telefonata mingħand Cauchi li lmenta miegħu li ma kienx tħallas tax-xogħlijiet u dan wissieh b’ton arroganti li jekk ma kienx se jgħinu, ma kienx jerġa’ jiġi elett fl-elezzjoni tal-kunsilli li kien imiss.

Meta kien eżaminat mid-Difiża, ix-xhud spjega li t-talbiet għal xogħlijiet għadhom isiru bl-istess mod sal-lum. David Apap kompla jgħid li sa ftit ilu għamel talba simili għal xogħlijiet mal-kap il-ġdid tal-istess taqsima tas-CMU, Anton Debono, li huwa magħruf bħala ‘In-Niksu’.

“Jiġifieri qabel kont tmur għand l-akkużat, u issa qed tmur għand in-Niksu?” staqsa l-Avukat Joe Giglio, bis-Sindku tal-Għarb iwieġeb iva.

Fis-seduta tal-bieraħ xehed ukoll Joseph Portelli, l-eks-Kap tad-Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp fil-Ministeru, li kien responsabbli mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u mis-CMU.

Xehdu wkoll persuni li kienu avviċinaw lill-akkużat biex isiru xi xogħlijiet, fosthom fit-toroq. It-tnejn li huma, imma, sostnew li Anthony Debono fl-ebda ħin ma talabhom la flus, la favuri u lanqas biex jivvutaw lill-mara tiegħu. Kuntrattur ieħor xehed li l-akkużat qatt ma talbu jissupplixxi materjal għal proprjetajiet privati.

Mis-seduta ħareġ ukoll li l-eks-Ministru Giovanna Debono kienet tat l-approvazzjoni tagħha biex isiru x-xogħlijiet pubbliċi minn Anthony Debono. Il-każ ikompli jinstema’ f’April.