Saħħa

“Jekk il-Gvern ma jimpurtahx mill-ħaddiema, għandu jagħti kas id-dwejjaq tal-pazjenti”

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) kitbet lis-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fejn infurmatu li qed tirreġistra tilwima industrijali mal-Gvern dwar id-deċiżjoni tal-Public Administration Collective Bargaining Unit li ma jinnegozjawx ftehim settorali ġodda għas-Social Workers kif ukoll ghall-ECG Technicians.

Fl-ittra tagħha l-MUMN talbet ukoll laqgħa urġenti fi żmien ġimgħa sabiex tiddiskuti din il-materja mas-Segretarju Permanenti Ewlieni bl-għan li tinstab soluzzjoni għal din il-kwistjoni sabiex jiġi evitat li mill-ġimgħa dieħla s-settur tas-saħħa, fost setturi oħra, jiġi effettwat minn direttivi industrijali mifruxa mad-Dipartiment kollu.

L-MUMN qalet li hija disposta li ssib s-soluzzjoni madwar il-mejda iżda din is-soluzzjoni ma tistax issibha waħedha u hemm bżonn li jkun hemm ukoll ir-rieda tajba tal-Gvern. Dan il-Gvern irid jifhem li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema għandhom kundizzjonijiet tax-xogħol imwiegħra, tant li ħadd mhu jitħajjar li jingħaqad jaħdem magħhom, bir-riżultat li l-pazjenti mhumiex qed jirċievu l-kura li jistħoqqilhom.

Jekk dan il-Gvern ma jimpurtahx mill-ħaddiema involuti, għall-inqas għandu jagħti kas il-weġgħat u d-dwejjaq tal-pazjenti, qalet l-MUMN.