Lokali Parlament

Jikkritika lill-media għax jirreferu għalih bħala “Deputat Laburista” fil-każ Gaffarena

Id-Deputat Laburista Joe Sammut ikkritika lill-media, li rreferiet għalih bħala Deputat Laburista fi storja u rapporti li kienu ppubblikati fl-aħħar jiem, fejn kien żvelat li hu se jkun qed jixhed fil-Qorti fil-każ ta’ Gaffarena.

Fil-ħarġa tas-Sibt li għadda, il-ġurnal The Times żvela din l-aħbar bit-titlu “Gaffarena calls Labour MP as witness in his defence”, b’Sammut jgħid li x-xogħol ta’ Membru Parlamentari m’għandux jitħallat mal-professjoni tiegħu.

Dwar dan, id-Deputat Laburista qal fil-Parlament li fit-28 ta’ Lulju 2014, kiteb u bagħat ittra lid-Direttur tal-Artijiet f’isem Marco Gaffarena, li hu klijent tiegħu.

Hu sejjaħ lill-Ispeaker tal-Kamra biex jagħti protezzjoni lill-Membri Parlamentari, filwaqt li appella lill-media biex tagħmel distinzjoni ċara bejn il-professjoni tad-Deputat u l-kariga ta’ Membru Parlamentari.

Joe Sammut sejjaħ il-mod kif tqiegħed it-titlu tal-artiklu bħala inġust u li jimmerita kjarifika fil-konfront ta’ kull Deputat u Kandidat li jaspira li jkun Membru Parlamentari.

Filwaqt li spjega li f’isem Gaffarena, talab biex Gaffarena jċedi l-post fi Strada Zekka lill-Gvern bi bdil ma’ għelieqi tal-Gvern f’Tal-Ħandaq f’Ħal Qormi u f’Ħal Mula f’Ħaż-Żebbuġ, liema għelieqi kienu mikrija mill-Gvern lil Marco Gaffarena.

Id-Deputat Laburista saħaq ukoll li jekk Gaffarena indikah biex jixhed fil-kawża, dan mhux biex jiddefendih, iżda biex jixhed fuq il-kontenut tal-ittra li kiteb u li se jesibiha u jikkonfermaha.