L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) qed tħares li jkun hemm tibdil fil-liġi biex is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jkunu iktar imħarsa.
Il-Kap Ewlieni Eżekuttiv tal-OHSA, Mark Gauci, qal dan hekk kif l-awtorità fakkret li min jagħmel xogħol ta’ superviżjoni ta’ proġett ta’ kostruzzjoni għandu jkun kompetenti, ta’ esperjenza u kapaċi jagħmel dan ix-xogħol għax inkella jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet perikolużi u xi minn daqqiet, traġiċi.
L-awtorità fakkret li skont liġi li ilha fis-seħħ mill-2004, għal kull proġett ta’ kostruzzjoni għandu
jinħatar supervisor għall-istadju tad-disinn u supervisor tal-proġett għall-istadju tal-kostruzzjoni, li jistgħu jkunu l-istess persuna u anke l-klijent stess, jekk ikun kompetenti li jagħmel dan.
Filwaqt li fakkret ukoll diversi punti milli tistabilixxi l-liġi, l-awtorità tenniet li jekk xogħol f’sit ta’ kostruzzjoni jkun se jdum iktar minn 30 jum ta’ xogħol jew b’iktar minn 20 ħaddiem fl-istess ħin, jew b’volum ta’ iktar minn 500 ġurnata xogħol, is-supervisor tal-proġett għandu l-obbligu li jinfurmaha bil-miktub mill-inqas erba’ ġimgħat qabel jibda x-xogħol.
Fakkret ukoll li s-supervisor għandu d-dmir li jara li jkun hemm pjan ta’ saħħa u sigurtà qabel jibda x-xogħol ta’ kostruzzjoni u li s-sit ikun magħluq għal persuni mhux awtorizzati.
L-awtorità spjegat li hi żżomm reġistru ta’ nies li għandhom il-kompetenza biex, fost affarijiet oħra, jaġixxu ta’ project supervisors għal proġetti ta’ kostruzzjoni. Din il-lista hi aċċessibbli wkoll onlajn.
//= $special ?>