Lokali

Owen Bonnici jinsisti li jaħtar lil Caroline Farrugia Frendo bħala Maġistrat

Aktar minn ġimgħatejn wara li l-Oppożizzjoni ressqet Private Members’ Bill dwar kif għandhom jinħatru l-membri tal-Ġudikatura, u wara li l-Ministru Owen Bonnici qal li jieħu dawn il-proposti “with a pinch of salt”, issa l-Ministru Owen Bonnici qal f’konferenza tal-aħbarijiet li l-Gvern se jressaq Abbozz ta’ Liġi dwar il-ħatriet tal-Maġistrati.

Madankollu, fl-istess nifs li qal li se jinbidel il-mod kif jinħatru l-Ġudikanti – xi ħaġa li ilu jgħid tliet snin – Owen Bonnici reġa’ sostna li t-tifla tal-Ispeaker Caroline Farrugia Frendo se tinħatar Maġistrat xorta waħda.

Il-ħatra ta’ Caroline Farrugia Frendo tinsab f’nofs kontroversja għax, skont l-Esperti Legali, din tmur kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta. Dawn qed jinsistu li din il-ħatra kontroversjali m’għandhiex issir qabel ma l-Gvern imur għand il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Madankollu, Owen Bonnici qed jibqa’ jinsisti li ma jmurx.

Ir-rapport tal-Kummissjoni Bonello, li ppropona kif għandhom jinħatru l-Ġudikanti, ilu fuq il-mejda ta’ Owen Bonnici minn Novembru 2013. Madankollu, Owen Bonnici ma għamel xejn qabel ġimgħatejn ilu, meta l-Oppożizzjoni ppreżentat Liġi b’kif għandhom jinħatru l-membri tal-Ġudikatura.