Internazzjonali

Qatgħu l-irjus ta’ 12-il priġunier fil-Libja

Ġellieda tal-ISIS għal xi ħin irnexxielhom jieħdu l-kontroll tal-kwartieri ġenerali tal-forzi tas-sigurta ta’ Sabratha. Attakk li fih qatgħu l-irjus ta’ 12-il persuna li qabdu f’dan ir-rejd qabel ma kellhom jirtiraw kmieni l-Erbgħa filgħodu.
Taher al-Gharabili, il-kap tal-Kunsill Militari ta’ Sabratha, qal li l-ġellieda tal-ISIS rnexxielhom jidħlu fiċ-ċentru tal-belt wara li l-forzi tas-sigurtà kienu impenjati f’ħidma militari xi mkien ieħor.
Wara li qatgħu l-irjus ta’ dak li sabu fil-bini, il-ġellieda tal-ISIS poġġewhom f’nofs it-toroq li jwasslu lejn il-bini. Apparti dawk li spiċċaw b’rashom maqtuha, kien hemm seba’ persuni oħra li nqatlu fl-attakk.
Sabratha saret l-aħħar ċentru ta’ interess fil-Libja għall-ISIS. Il-ġimgħa li għaddiet l-Istati Uniti wettqet attakk mill-ajru kontra bażi tagħhom, attakk li fih inqatlu żewġ Serbi li kienu qed jinżammu ostaġġ mill-grupp estremista Iżlamiku.
Dan hekk kif il-Parlament Libjan għal darb’oħra naqas li jivvota dwar il-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali Libjan li kien innegozjat min-Nazzjonijiet Uniti. Gvern li jitqies kruċjali biex jintemm il-kaos fil-Libja.