Qorti

Direttur ta’ kumpanija jingħata sentenza sospiża wara frodi fuq sieħbu

Direttur ta’ kumpanija ngħata sentenza sospiża ta’ ħabs wara li l-Qorti sabitu ħati li ffroda lil sieħbu fin-negozju.

Il-każ imur lura ħames snin meta l-akkużat, Charles Abela, ta’ 37 sena, direttur ta’ Elevators DC Company Limited, ikkonvinċa lil Alan Vella, direttur ta’ Price Breakers Limited, biex jinvesti €4,500 f’negozju li kien intiż li jesporta, bi qligħ, materjal għar-rimi. Il-flus kienu jintużaw biex jinxtara skart ta’ aluminju li kien jinbiegħ barra minn Malta bi qligħ.

Iż-żewġt irġiel kienu għamlu ftehim iffirmat li n-negozju li kienu se jidħlu fih kien se jasal fi tmiemu fi żmien xahar, sat-22 t’April tal-2011, b’Vella jirċievi €8,500.

Vella kien għamel rapport lill-Pulizija meta sa Lulju tal-istess sena kien baqa’ mingħajr il-flus. Min-naħa tiegħu, l-akkużat kien qal li l-biċċa negozju kienet suċċess u li kien ħareġ ċekk ta’ €8,000 imma li l-ħlas ma kienx sar għax iċ-ċekk m’għaddiex. Ir-raġel qal li dan seħħ għax kellhom jidħlu xi flus li ttardjaw, u li din ma kinitx fil-kontroll tiegħu. Hu kien wiegħed lil sieħbu li kien se jirrispetta l-ftehim.

F’dikjarazzjoni li kien ta lill-Pulizija, Abela kien ammetta li kien irċieva l-flus mingħand Vella u kien insista li kien se jrodd lura l-flus dovuti. Kien ammetta wkoll li kien għadda l-qligħ li kien għamel għall-kumpanija tiegħu.

Il-Maġistrat Joe Mifsud innota fil-Qorti li erba’ snin u nofs wara li kien wiegħed li kien se jħallas il-flus dovuti, ir-raġel kien għadu ma għamel ebda pagament u sostna li kien hemm provi biżżejjed li Abela ried jiffroda lil Vella. Innota wkoll li ċ-ċekk li kien ħareġ l-akkużat ma seta’ qatt jissarraf għax kien jonqos żewġ firem ta’ persuni oħra.

Abela ntbagħat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u ordnat iħallas lil Vella s-somma oriġinali li kien ħareġ, jiġifieri €4,500, fi żmien sitt xhur. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Yvonne Farrugia.