Il-Partit Laburista spiss jiftaħar b’ekonomija b’saħħitha. Sintendi, meta wieħed isib sodda mifruxa, se joqgħod komdu u hekk għamel il-Partit Laburista fil-gvern. Biss ekonomija b’saħħitha trid tibża’ għaliha għaliex biex iġġib l-ekonomija f’qagħda soda trid iż-żmien iżda biex tkisser l-ekonomija huma biżżejjed ftit deċiżjonijiet żbaljati u titlef dak kollu li jkun sar. Għalhekk il-Gvern tal-ġurnata jrid joqgħod attent li filwaqt li jiftaħar b’ekonomija b’saħħitha jżomm quddiem għajnejh li hu wiret ekonomija b’saħħitha u għandu jibża’ għaliha.
Però n-nies qed jaraw l-effett ta’ ekonomija b’saħħitha? Ħafna mhumiex għaliex il-Gvern qed ikun xħiħ maż-żgħir u galantom man-nies tal-qalba. Gvern li ftaħar b’iktar flus fil-but, iżda dawk li qed jaraw verament iktar flus fil-but huma n-nies ta’ madwar il-Prim Ministru u l-kabinett għaliex qed jiffangaw fi flus il-poplu. Lill-poplu, il-ftit li tah, qed jeħodhulu mod ieħor – kif ktibt f’artiklu ieħor, lill-poplu qed itih bl-id il-leminija, u joħodhomlu bl-id ix-xellugija.
Gvern li jisma’
Apparti s-sensiela ta’ laqgħat ta’ propaganda li qed jiġu organizzati minn flus il-poplu bit-tema ‘Gvern li jisma”, din kienet waħda mill-ewwel messaġġi li pprova jagħti l-gvern ġdid. Ipprova jagħti l-impressjoni li hu gvern bil-bieb miftuħ għal kulħadd, li lest jisma’ lil kulħadd u li kulħadd għandu postu fil-moviment li ħoloq Muscat. Biss il-pajjiż ġie fi stat li biex wieħed jiltaqa’, biex jitkellem mal-Prim Ministru, dak li jmexxi l-Gvern li jisma’, irid jistenna s-snin … tant li kien hemm min wasal biex jagħmel reklam f’gazzetta biex forsi jiġbed l-attenzjoni tal-Gvern li wiegħdu li lest jisimgħu. Tant jisma’ dan il-Gvern, li anke l-parir tal-esperti jinjora, bħalma għamel il-Ministru Owen Bonniċi dan l-aħħar, aħseb u ara kemm se jisma’ l-karba tal-popolin.
Li mhux qed jisma’ l-Gvern huma l-ilmenti tan-nies – kemm Nazzjonalisti u anke Laburisti, li huma urtati bit-tmexxija tal-pajjiż u bis-servizzi li qed joffri. In primis, it-trasport pubbliku – każ uniku fejn il-Gvern qed iħallas iktar biex jieħu servizz agħar. Iżda l-arroganza twassal lil dan il-Gvern jgħid, inkluż il-Prim Ministru, li s-servizz tjieb. Biss fil-verità, għandna iktar nies li mhux jinqdew mis-servizz tat-trasport pubbliku kif jixirqilhom, nies li jużaw il-karozza tagħhom minħabba d-diżastru fit-trasport pubbliku u dan iwassal għal iktar traffiku.
Il-Ministru jwaħħal fit-traffiku għal ħafna mill-problemi tat-trasport pubbliku iżda mhux jirrealizza li huma dawn il-problemi fit-trasport pubbliku li qed iwasslu għal aktar traffiku għaliex in-nies jużaw il-karozzi personali tagħhom. Mhux faċli biex bniedem jidħol fil-kultura li juża t-trasport pubbliku hawn Malta, iżda s-sitwazzjoni preżenti ċertament mhix tinkoraġġixxi lin-nies ibiddlu l-mentalità tagħhom. Iżda skont il-Ministru, is-servizz tat-trasport pubbliku mhux ħażin.
Gvern alternattiv
Iżda l-poplu għandu tama bil-Partit Nazzjonalista. Qatt daqs illum ma kellna Oppożizzjoni attiva u leali lejn dawk li vvutawlha u l-pajjiż innifsu – Oppożizzjoni kostruttiva li f’ħafna każi qed tieħu hi r-rwol li suppost jieħu l-Gvern.
Għaliex filwaqt li l-Gvern aljenat jara kif se jiffanga iktar u jiffanfra iktar bi flus il-poplu, l-Oppożizzjoni qed tara x’qed jurta lill-poplu hemm barra u tara kif dawn il-problemi għandhom jiġu indirizzati. Dik hi Oppożizzjoni b’saħħitha – Oppożizzjoni b’mentalità li tagħti lill-poplu gvern alternattiv u l-possibbiltà li jkollu l-gvern li jixraqlu.
//= $special ?>