Il-Greċja rtirat lill-ambaxxatur għall-Awstrija fost diżgwid qawwi bejn l-Istati tal-Unjoni Ewropea rigward il-kriżi tal-immigranti.
It-Tmexxija f’Ateni ħadet dan il-pass wara li l-Awstrija organizzat laqgħa mal-Istati tal-Balkani dwar l-issue tal-immigranti, mingħajr ma stiednet lill-Greċja.
Sadanittant, il-Ministri għall-Intern tal-UE u l-Istati tal-Balkani ltaqgħu fi Brussell biex jippruvaw isolvu d-differenzi dwar il-kriżi tal-immigranti.
Ftit wara, il-Kummissarju tal-UE għall-Immigrazzjoni, Dimitris Avramopoulos wissa li s-sistema għall-immigrazzjoni tal-Unjoni tista’ tkun biss jiem ‘il bogħod milli tikkrolla.
Avramopoulos qal li l-Istati membri għandhom sas-7 ta’ Marzu – meta għandu jsir summit mat-Turkija – biex irażżnu n-numru tal-immigranti waqt li wissa li ‘jeħtieġu jaraw ir-riżultati ċari u konkreti fl-artijiet partikolari’.
L-Awstrija, is-Serbja u l-Maċedonja kollha ħadu passi biex jillimitaw lill-immigranti fit-territorji rispettivi. L-aġir ta’ dawn il-pajjiżi rrabja lill-Greċja li tibża’ mir-riperkussjonijiet ta’ dawn il-kontrolli u meta l-miżuri anki qegħdin jheddu z-zona Schengen għall-moviment ħieles (fl-Ewropa) mingħajr il-ħtieġa ta’ passaport.