Lokali

Il-Prim Ministru għandu jgħid meta nfetħet il-kumpanija sigrieta ta’ Konrad Mizzi fil-Panama – il-PN

Meta nfetħet il-kumpanija sigrieta tal-Ministru Konrad Mizzi fil-Panama? Din hi l-mistoqsija li qed tagħmel l-Oppożizzjoni Nazzjonalista lill-Prim Ministru Joseph Muscat wara li Muscat qal li għandu fiduċja f’Konrad Mizzi.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem Kastilja, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami, flimkien mal-Kandidat għall-elezzjoni ġenerali Alex Perici Calascione, qal li b’mod immedjat, il-Prim Ministru għandu jgħid meta nfetħet din il-kumpanija li Konrad Mizzi żamm sigrieta.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa għaliex Konrad Mizzi għażel li jiftaħ kumpanija sigrieta u fond sigriet in-naħa l-oħra tad-dinja, hekk kif dan kollu jitfa dubji kbar fuq Joseph Muscat u anke fuq il-Ministru Mizzi.

Beppe Fenech Adami fakkar fid-diversi ‘deals’ li Konrad Mizzi u Joseph Muscat għamlu flimkien, b’mod partikolari fejn jidħol is-settur tal-enerġija. Semma’ l-bejgħ tal-Power Station liċ-Ċiniżi u anke l-għażla tal-konsorzju privat li għalih il-poplu kellu jagħmel tajjeb permezz ta’ garanzija bankarja.

Fakkar ukoll kif Mizzi u Muscat marru l-Ażerbajġan, fejn għamlu kuntratt għax-xiri taż-żejt li fisser telf ta’ 14-il miljun dollaru għal Malta. Barra minhekk, huma qalu lill-Enemalta biex tixtri ż-żejt, il-petrol u d-diesel mis-SOCAR minflok minn fejn jaqblilha l-aktar, f’deċiżjoni li kient ġabet il-kundanna wkoll mill-Awditur Ġenerali.

Beppe Fenech Adami semma’ wkoll kif Konrad Mizzi u Joseph Muscat ipprivatizzaw l-Isptar ta’ Għawdex u partijiet mill-Isptar San Luqa lil kumpaniji barranin. Iżda fuq kollox, ħafna mid-dettalji kruċjali ta’ dawn id-‘deals’ żammewhom u għadhom qed iżommuhom moħbija mill-Parlament u mill-poplu.

Minn naħa tiegħu, Alex Perici Calascione qal li la l-Prim Ministru għadu qed jagħżel li jiddefendi b’mod assolut lil Konrad Mizzi, hu ċar li l-problema hi l-Prim Ministru nnifsu. Hu sostna wkoll li l-Panama hu pajjiż magħruf fost l-oħrajn għall-evażjoni tat-taxxi, tant li hu blacklisted anke mill-Kummissjoni Ewropea għall-prattiċi dubjużi li juża’, bħala tax haven.