Kurżitajiet

Ingliżi jbiddlu isimhom legalment għal dawk ta’plejers, cartoons u anke l-ikel

Imdejjaq b’ismu, Simon Smith, raġel ta’ 33 sena bidel ismu għal Bacon Double Cheeseburger. Imma aktarx li jerġa’ jirritorna għal ismu oriġinali għax it-tfajla tiegħu ma tantx tixtieq tiżżewweġ Double Cheeseburger.

Simon Smith hu wieħed minn rekord ta’ 85,000 li fir-Renju Unit is-sena li għaddiet ħallsu £33 biex formalment jibdlu isimhom.

Filwaqt li l-maġġoranza tal-bidliet kienu meqjusa ordinarji, almenu meta mqabbla ma’ Bacon Double Cheeseburger, kien hemm uħud li bidlu isimhom għall-plejers favoriti tagħhom, fosthom Lionel Messi u Wayne Rooney, għall-karattri mill-cartoons bħal Penelope Pitstop inkella, f’każ wieħed, Happy Birthday.

Kien hemm koppja wkoll li bidlu kunjomhom għas-Sinjur u s-Sinjura Amazing, u persuni oħra bidlu isimhom sħiħ għal Sarge Metalfatigue u Simply MyLove Poet.

Oħrajn kellhom raġunijiet iktar serji għall-bidla fl-isem, fosthom biex jaħarbu minn partner abbużiv, immigranti li jitolbu li isimhom jiġi Angliċizzat u persuni transgender jitolbu bidla fl-isem wara li jibdlu l-ġeneru tagħhom.

Louise Bowers, ta’ UK Deed Poll Service, qalet li hemm żieda fin-numru ta’ nies li ma jaffordjawx l-ispejjeż biex jiżżewġu u jibdlu kunjomhom minflok. Din is-sena, is-servizz qed jistenna żieda fuq is-60,000 applikazzjoni li ttratta matul l-2015. Il-proċedura tieħu biss erbat ijiem tax-xogħol u tiswa £33 għall-kbar u £35 għat-tfal.

L-istatistika uriet ukoll li hemm mijiet ta’ Britanniċi li qed isegwu l-moda li bdiet fl-Istati Uniti fejn koppja jgħaqqdu kunjomhom. F’eżempju minnhom, ir-raġel Pugh u l-mara Griffin saru s-Sinjur u s-Sinjura Puffin.