Internazzjonali

L-ISIS jhedded lill-fundaturi ta’ Facebook u Twitter

Sostenituri tal-ISIS ħarġu filmat ġdid biex jheddu lill-Kap Eżekuttiv ta’ Facebook Mark Zuckerberg u lill-Kap Eżekuttiv ta’ Twitter, Jack Dorsey. Dan wara li Zuckerberg u Dorsey ħadu passi biex jeliminaw ‘abbonaturi terroristi’ mill-media soċjali li hu parti minn impenn wiesgħa kontra t-terroriżmu online.

Intant, il-filmat tal-ISIS li jismu Flames Of The Supporters jinkludi ritratti ta’ Zuckerberg u Dorsey ‘imtertqin bit-tiri’. It-terroristi jwasslu l-messaġġ li huma jikkontrollaw ‘il fuq minn 10,000 Facebook account, flimkien ma’ 150 gruppi fuq Facebook u 5,000 profil fuq Twitter. Fl-istess ħin, l-ISIS jhedded li għandu jirritalja għal kwalunkwe tentattiv biex l-elementi tagħhom jitneħħew mill-media soċjali.

Parti mit-theddida ssostni li ‘jekk (l-amministraturi ta’ Facebook u Twitter) jagħlqu kont wieħed tas-segwaċi tal-ISIS, il-grupp jirritalja b’li jiftaħ għaxra oħra u jkompli għaddej sakemm jelimina anki l-ismijiet tal-fundaturi tas-websajts’. Il-clip intbagħat fuq Telegram (li hu mezz soċjali popolari mal-militanti tal-ISIS) minn moviment li jismu ‘the sons of the Caliphate Army’.

Intant, Facebook ma kkummentax dwar il-filmat li nstab mill-Vocativ waqt li Twitter ma weġibx għal talba biex is-sorsi tiegħu jitkellmu dwar dan il-video u t-theddid implikat.

Zuckerberg u Dorsey ħabbru inizjattiva intensiva kontra l-elementi terroristiċi li jużaw in-networks soċjali, bi Twitter jagħlaq almenu 125,000 account marbuta mal-ISIS, li qed juża n-network bħala mezz ewlieni biex iferrex il-propaganda qattiela.