Roberta Pinotti, il-Ministru tad-Difiża Taljana, eskludiet il-possibbiltà ta’ intervent militari fil-Libja u insistiet li biex ikun hemm l-istabbiltà fil-Libja jridu jkunu l-Libjani stess li jaħdmu għaliha.
Hi qalet li kien diffiċli li wieħed jimmaġina ħidma militari biex tiġi okkupata l-Libja u kien diffiċli ħafna wkoll li wieħed jimmaġina li jkun hemm l-istabbiltà fil-Libja mingħajr il-kooperazzjoni tal-Libjani stess.
F’kummenti li tat fuq it-televiżjoni Taljana, Pinotti qalet ukoll li l-komunità internazzjonali bl-Italja minn ta’ quddiem nett kienet imħassba li għadu ma sarx vot biex jiġi approvat il-Gvern ta’ għaqda nazzjonali Libjan. Hi qalet li la darba dan isir, kien hemm 19-il pajjiż li taħt koordinament tal-Italja kienu qed jaħdmu biex tingħata għajnuna fil-qasam tas-sigurta.
Dan seħħ hekk kif il-Gvern Libjan bażat fi Tripli kkonferma li kellu rapporti li truppi Franċiżi kienu qed jappoġġjaw it-truppi tal-Gvern ta’ Tobruk fil-ġlieda kontra l-ISIS fil-Libja.
F’dawn l-aħħar ġranet dehru diversi rapporti li allegaw dan, imma s’issa l-Gvern Franċiż baqa’ fommu sieket.
L-Italja kontra intervent militari fil-Libja
