Lokali Saħħa

Rakkomandazzjonijiet biex nipprevjenu t-tixrid taz-Zika

Is-sitwazzjoni internazzjonali dwar l-infezzjoni Zika qed tinfirex f’aktar pajjiżi. F’Malta kien hemm biss każ wieħed li kien importat, li ġie iżolat skont linji gwida internazjonali.

Fi stqarrija d-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard qal li waħda mill-miżuri ewlenin għall-kontroll huwa li jikkontrolla siti tat-tgħammir tan-nemus. Il-pubbliku ġenerali qed ikun imħeġġeġ jieħdu miżuri fid-djar sabiex jipprevjenu l-proliferazzjoni tan-nemus. F’avviż li ppublika d-Direttorat qal li l-kontroll ta’ din in-nemusa jibda billi jitnaqqsu l-postijiet fejn dawn ibidu l-bajd.

Ir-rakkomandazzjonijiet huma:
– Neħħi kontenituri li fihom l-ilma bħal platti tal-qsari, bramel, kontenituri tal-ikel u tires qodma;
– Fejn issib għadajjar li ilhom hemm aktar minn tlitt ijiem u bokok tad-drenaġġ li jkun fihom ilma qiegħed ikun ideali li tneħħilhom l-ilma, jew jiġu trattati bil-klorin;
– Il-gandotti għandhom jitnaddfu mill-weraq u minn ħmieġ ieħor sabiex ma jinġabarx ilma fihom;
– Ilma qiegħed li jkun f’xi pixxina, ġibjuni, eċċ, li ma jistax ikun imbattal jew mormi jista’ jkun ittrattat kull tant żmien b’insettiċidi apposta;
– Is-swimming pools għandhom jinżammu vojta jekk mhux qed jintużaw jew l-ilma jkun trattat bil-klorin;
– Kull tank tal-ilma, bir u ġibjun jinżamm mgħotti.

Hu importanti li wieħed jevita li jingidem billi jieħu dawn il-miżuri:
– Kun żgur/a li l-iscreens tal-bibien u t-twieqi jingħalqu sew u huma fi stat tajjeb;
– Ilbes ilbies li jgħattik sew meta tkun fuq barra għal tul ta’ żmien, u meta n-nemus l-aktar li jkun attiv;
– Uża xibka tan-nemus meta torqod fuq barra.

Hu rrakkomandat l-użu ta’ insect repellent u anke l-użu tal-fannijiet. Ir-riħ qawwi li jagħmel fann mhux biss iwaqqafhom milli jtiru, iżda wkoll iferrex il-kimiċi li jużaw biex isibu d-demm ħalli jieklu minnu.

Nies li jivvjaġġaw għal żoni milquta huma mfakkra biex jieħdu prewkazzjonijiet meħtieġa sabiex jipprevjenu li jingidmu min-nemus.

Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard fakkar fl-istqarrija li għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel il-helpline fuq 2132 4086.