Żewġ artisti Żvediżi ħarġu bi proposta li tassew tirrifletti ż-żmenijiet li qed ngħixu fihom. Iddisinjaw u tellgħu sinjali tat-toroq li jwissu lil min ikun se jaqsam it-triq biex ma joqgħodx iħares lejn it-telefon ċellulari tiegħu hu u jaqsam. Is-sinjali tpoġġew fi Stockholm.
Jacob Sempler, li ħoloq is-sinjali flimkien mal-kollega tiegħu Emil Tiisman, f’ġurnal Żvediż qal li hu stess hu dipendenti fuq il-midja soċjali u li darba minnhom, waqt li kien miexi lejn il-post tax-xogħol, kienu kważi tajruh għaliex kien qed iħares lejn it-telefon tiegħu. Qal li dak il-ħin irrealizza li hu mhux l-unika persuna li jagħmel hekk u li jkun aħjar jekk dan l-atteġġjament jiġi indirizzat.
Is-sinjali trijangulari, li juru mara u raġel b’rashom baxxuta u jħarsu lejn it-telefon f’idejhom, għall-bidu qajmu diskussjoni fil-kapitali Żvediża meta tfaċċaw madwar il-belt għall-ħabta ta’ Novembru. S’issa jidher li ġew aċċettati u ħafna qed jitkellmu dwarhom fuq il-midja soċjali.
Sempler jammetti li l-problema mhix waħda tal-Iżvezja biss imma tal-parti l-kbira tad-dinja fejn it-teknoloġija ħadet post prominenti fil-ħajja ta’ kuljum.
Dawn is-sinjali mhumiex l-ewwel tentattiv biex tiġi indirizzata l-kwistjoni. F’Antwerp, fil-Belġju, inħolqu karreġġjati apposta fit-toroq fejn min ikun miexi u jħares lejn it-telefon jista’ jimxi fihom mingħajr ma jdejjaq jew jipperikola lil ħaddieħor.
Imma studju li sar dan l-aħħar juri li min ikun qed iħares lejn it-telefon aktarx ikun iktar konxju ta’ dak li jkun hemm madwaru milli wieħed jista’ jaħseb. Studjużi fl-Università ta’ Bath u Texas fl-Istati Uniti sabu li meta persuna tkun qed tikteb messaġġ, timxi iktar bil-mod u ħafna drabi tagħmel movimenti li jkunu iktar esaġerati biex tikkumpensa għall-fatt li dak il-ħin ma tkunx qed tara.
Imma studju ieħor sab li minbarra li jipperikola lil min ikun miexi fit-triq, it-telefon ċellulari qed joħloq problemi ta’ saħħa. Skont il-British Chiropractic Association, żdied l-ammont ta’ żgħażagħ bi problemi fid-dahar hekk kif dawn żiedu l-ħin li jkunu milwija fuq skrins żgħar tat-telefon ċellulari tagħhom u joħolqu pressjoni fuq daharhom.
//= $special ?>