Jekk qatt kien hemm bżonn konferma kemm il-PBS hu mmanipulat minn Kastilja, u li l-aħbarijiet jinkludu biss dak li trid Kastilja, kellna lbieraħ meta x-Xandir tal-Istat għamel eżatt bħalma għamel is-Super One u ma xandarx il-kummenti li għamel il-Prim Ministru dwar il-kumpanija sigrieta ta’ Konrad Mizzi fil-Panama.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli, fejn fakkar li fl-aħħar jumejn l-aħbarijiet kienu ddominati mill-kumpanija sigrieta ta’ Konrad Mizzi fil-Panama u l-fond sigriet li Mizzi għandu fi New Zealand. Madankollu, għax-Xandir tal-Istat, dak li qal il-Prim Ministru dwar dan l-iskandlu mhux importanti jew ta’ valur ta’ aħbar.
Fil-kummenti tiegħu, il-Prim Ministru qal li hu *jafda lill-Ministru tiegħu u li ma jara xejn ħażin li Konrad Mizzi fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama*. Madanakollu, il-PBS iċċensura dak li qal Muscat għax kien qed jiddefendi lil Konrad Mizzi minn dan l-iskandlu. Il-Partit Nazzjonalista qal li kieku ma kienx qed jiddefendi, il-Prim Ministru kien jingħata l-aqwa ‘coverage’ fl-ewwel postijiet tal-bulettin tal-aħbarijiet.
L-aġenda tax-Xandir tal-Istat hi mmexxija direttament minn Kastilja, bid-deċiżjonijiet mhux jittieħdu minn Gwardamanġa iżda direttament minn Kastilja, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>