Illum il-Ġimgħa, l-elettorat Irlandiż se joħroġ jivvota f’elezzjoni ġenerali li fiha qed ikun imbassar li aktarx l-ebda partit mhu se jġib il-maġġoranza assoluta. Mhux talli hekk biss, imma l-indikazzjonijiet huma li l-uniku ċans ta’ Gvern kien se jiġi permezz ta’ koalizzjoni bejn iż-żewġ partiti ewlenin li huma avversarji ta’ xulxin – il-Fine Gael taċ-ċentru lemin tal-Prim Ministru Enda Kenny, u l- Fianna Fail taċ-ċentru xellug ta’ Micheál Martin.
Dan huma żewġ partiti li l-għeruq tagħhom imorru lura kważi 100 sena għall-gwerra ċivili.
Il-Gvern ta’ Kenny, koalizzjoni bejn il-Fine Gael u l-Partit Laburista, irnexxielu joħroġ lill-Irlanda mill-kriżi finanzjarja tal-2008 u jwassal biex l-ekonomija tibda tirpilja. Imma l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika wera li ħafna huma rrabjati bis-saġrifiċċji li kellhom u għad qed jagħmlu.
Fil-każ tal-Fianna Fail hu mistenni li dan jibqa’ minn taħt peress li hu kien fil-Gvern meta l-pajjiż kważi falla u s-saġrifiċċji li saru kienu minħabba fih.
Bħala konsegwenza ta’ dak li għadda minnu l-pajjiż, ħafna daru għal partit mhux-tradizzjonali, fosthom is-Sinn Fein kif ukoll diversi partiti żgħar oħrajn, kif ukoll kandidati indipendenti.
Jekk dan jissarraf fil-vot, se jkun hemm il-Fine Gael bl-akbar ammont ta’ voti imma mhux il-maġġoranza, u mhu se jkollu l-ebda alleat li miegħu jsita’ jifforma Gvern. Peress li qed ikun imbassar li l-voti se jinfirxu sew, l-uniku ċans jista’ jkun li ssir alleanza mal-avversarju tradizzjonali tiegħu, il-Fianna Fail.
Kollox qed jindika li wara l-vot ġej perijodu ta’ inċertezza hekk kif isiru n-negozjati biex ikun iffurmat gvern jekk ħadd ma jġib il-maġġoranza assoluta.
Biża’ ta’ vot inkonklussiv fl-Irlanda
