BLOGS

Child Care (Bla Ħlas)*

Dik l-asteriska mitfija ġeneralment tindika li mal-pakkett offrut hemm ‘xi termini u kundizzjonijiet japplikaw’ lil ħafna ma taffettwahomx sakemm jinqarsu u meta jasal il-mument, dik in-nitfa ta’ asteriska ssir daqsiex!

L-iskema taċ-‘Child Care bla ħlas’ imnedija fl-2013 hija esperjenza simili għal kważi 850 ġenitur li bħalissa qed jaffrontaw kontijiet li xi wħud minnhom imissu l-eluf, minkejja l-kliem kbir u jlellex ta’ ‘Child Care bla ħlas’. Fl-argumenti tiegħi bl-ebda mod mhu se nkun partiġġjan, u bl-ebda mod ma rrid inkun qiegħed inxejjen l-idea tajba tassew (li wkoll kienet fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista) tas-servizz innifsu, servizz li jinċentiva opportunitajiet dejjem aktar għall-mara li trid tkompli ssaħħaħ l-idea emanċipattiva tagħha fid-dinja tax-xogħol. Madankollu, tajjeb li l-fatti kollha jkunu argumentati u mfissra kif jixraq, speċjalment għaliex inħoss li din l-iskema ma tfissritx sewwa għal raġunijiet politiċi.

Irrid nibda billi nsostni li l-Gvern għandu jirriserva d-dritt li ma jkunx qiegħed ikopri s-servizzi li huma mħallsa minn flus il-poplu għal dawk il-ġenituri li għal raġunijiet – li mhumiex ta’ mard – jagħżlu li ma jibagħtux lil uliedhom iċ-Child Care. Irridu nirrikonoxxu, li dan huwa servizz li lill-Gvern jiswielu l-miljuni fis-sena, u ma rridux noħolqu impediment ieħor fuq il-qafas finanzjarju għalxejn.

Mill-ewwel jiġi f’moħħi, l-argument tal-pinnoli mogħtija mill-Gvern. Kulħadd jaf jew sema’ b’nies li jieħdu u jieħdu – għax b’xejn – anke jekk mhux neċessarjament jeħtiġuhom! Għalhekk, naqbel 100% ma’ kif titħaddem l-iskema; jiġifieri li l-Gvern joffri 15% ta’ ‘absence allowance’ għal dawk li jkunu attendew anqas minn 90% tas-sigħat iffissati bil-quddiem. Sa hawnhekk ma hawn xejn li jurtani għaliex nemmen li pajjiżna ma jaffordjax abbużi oħrajn reltati mal-edukazzjoni u l-politika soċjali. Għalhekk, is-servizz għandu jkun hemm għal min verament jeħtieġu.

Li ma naqbilx miegħu huwa iżda, li l-Gvern, jew iċ-ċentri (li għandhom jimxu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Gvern) donnu/hom mhux jirrikonoxxi/u ċ-ċertifikati mediċi jekk mhux għal assenza ta’ aktar minn tlett ijiem, anke skont kif indikat f’artiklu numru 5 tal-kundizzjonijiet tal-FCS (Free Child Care Services). Għalhekk, jekk kemm-il darba jinqabeż l-ammont ta’ sigħat li jkopru l-‘absence allownace’ bi ġranet li fihom it-tfal ikunu morda imma ma jaqbżux it-tlett ijiem u allura ma jippreżentawx iċ-ċertifikati mediċi, il-ġenituri huma obbligati jagħmlu tajjeb għall-kumplament tas-sigħat minn buthom.

Sfortunatament, tfal ta’ etajiet bikrin jimirdu aktar ta’ spiss, u għaldaqstant, bl-ebda mod ma nista’ naċċetta, bħalma l-ġenituri mhumiex jaċċettaw, li l-Gvern ma jirrikonoxxix iċ-ċertifikati mediċi, li jistgħu jieqfu lill-abbużi ta’ assenteiżmu bla raġuni.

L-argument tal-Ministru Evarist Bartolo u Clyde Caruana li qed jikkordina l-iskema, nirrepeti, naqbel magħhom, imma ma nistgħu bl-ebda mod, nassumu li l-ġenituri qatt jistgħu jkunu f’pożizzjoni li javżaw b’xahar bil-quddiem (kull darba) meta wliedhom ma jkunux ser jattendu ċ-ċentri (artiklu 9, FCS), għalhekk, din l-iskema mhix qed tilħaq l-għan ewlieni tagħha, dik li tħeġġeġ lill-mara tkompli tagħti sehemha fid-dinja tax-xogħol, għaliex tmur kontra kull loġika: il-mara toħroġ taħdem imma tħallashom sigħat mhux użati!

Ikun għaqli li l-Gvern jikkunsidra jemenda l-iskema sabiex tkun tirrifletti aktar ir-realtajiet tal-ġenituri li għandhom uliedhom jattendu ċ-Child Cares. Għalhekk, iċ-ċertifikazzjoni medika għandha tkun obbligata mill-ġenituri l-ewwel darba li wliedhom jattendu lura, sew jekk wara jum u sew jekk wara aktar minn jum, l-ewwel sabiex ma jkunx hemm abbużi fis-sistema u t-tieni sabiex nevitaw it-tixrid tal-mard.

Jekk le, ser jibqa’ jkollna ġenituri li jibagħtu lil uliedhom iċ-Child Care morda sabiex ma jħallsux għaċ-ċertifikat. Irridu nkunu responsabbli lkoll. Ninsisti li l-Gvern għandu jkompli jaħdem sabiex inaqqas l-abbużi imma qatt a skapitu ta’ min hu ġenwin!

Hija karatteristika ta’ dal-Gvern li jittappan kollox b’kontroversja. Din l-iskema, kienet sa ftit ġimgħat ilu, waħda mill-ftit implimentazzjonijiet ta’ min jinnota tul dawn it-tliet snin ta’ kontroversja u korruzzjoni politika, li issa qed toħloq polemika dwar jekk iċ-Child Care hux verament bla ħlas jew le.

Il-Ministru jrid jerfa’ r-resposabbiltà u ma jfarfarhiex fuq iċ-ċentri, bħalma qiegħed jagħmel!

Dan l-artiklu deher fil-ħarġa ta’ In-Nazzjon tal-Erbgħa, 24 ta’ Frar 2016.
Justin Schembri hu Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali fuq it-8 distrett.