Inessa Tarverdieva, eksgħalliema tat-tfal tan-nursery, qed tgħaddi minn proċess tal-qorti fir-Russja fejn qed twieġeb għall-akkużi li kienet il-moħħ wara sensiela ta’ omiċidji.
Tarverdieva, li għandha 48 sena, issemmiet bħala waħda mill-aktar nisa perikolużi fir-Russja wara li hi mexxiet il-familja tagħha f’numru ta’ reati vjolenti.
Fil-fatt, din il-mara ammettiet għal għaxar omiċidji waqt li qalet li ħadmet minn taħt biex tmexxi familja kriminali, flimkien ma’ żewġha, Roman Podkopaev, li kien jaħdem bħala dentista u li spiċċa maqtul, fl-2013, fi sparatura mal-pulizija. Din il-koppja kellha d-dehra ta’ waħda rispettabbli, meta, fil-verità, setgħet kienet ‘involuta’ f’madwar 30 omiċidju- b’waħda mill-vittmi tkun tifla ta’ 12 il-sena tal-istess familja.
It-tifla l-kbira ta’ Tarverdieva, li jisimha Viktoria, ukoll għaddejja minn proċess tal-qorti fejn jingħad li hi ‘tgħallmet kif toqtol taħt it-tmexxija ta’ ommha’. Fil-fatt, Inessa Tarverdieva u Viktoria kienu sfaw midruba fl-istess isparatura li kienet qatlet lil Roman Podkopaev.
Qabel il-ġuri, Inessa Tarverdieva kienet qed tinżamm fil-ħabs ta’ Rostov-on-Don u l-prosekuturi, fl-aħħar sigħat, qalu li l-vittmi ‘tagħha u ta’ bintha’ kienu jinkludu numru ta’ pulizija.
Jingħad li din il-familja malinna kienet tagħti d-dehra ta’ waħda ‘normali għall-aħħar’ matul il-jum, iżda bil-lejl ‘kien joħroġ il-veru natural tal-qattiela’.
Inessa Tarverdieva anki ammettiet li hi u familtha jqisu l-qtil u s-serq armat ‘daqslikieku sejrin l-uffiċċju għal ġurnata tax-xogħol’. Hi, fl-istess ħin, qalet li għandha mibgħeda speċjali għall-pulizija waqt li ftaħret li ‘għandha inklinazzjoni naturali għall-ħajja ta’ gangster’.
Tarverdieva għandha tifla oħra, Anastasiya, ta’ 15 il-sena, li mhix tiffaċċja akkużi peress li għadha taħt l-età valida għal responsabbiltà kriminali. Madankollu, il-pulizija Russi jemmnu li Anastasiya kellha rwol sostanzjali fil-ħajja kriminali ta’ familtha, fejn, fost oħrajn, kienet tiddisponi minn oġġetti misruqa.